Se jsir l-investiment għall-wiċċ ġdid f’parti minn Triq Lapsi fis-Siġġiewi – fil-parti magħrufa bħala Triq ix-Xagħra tal-Gżira u ta’ Għar Lapsi. Din it-triq teħtieġ investiment sostanzjali bil-Kunsill Lokali ilu snin jinsisti li din t-triq għandha ssir mill-awtoritajiet. Fil-fatt xahar ilu biss, is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit bagħtet ittra lill-Ministeru tal-Infrastruttura sabiex titlob laqgħa dwar numru ta’ toroq rurali nkluż Triq Lapsi. Fl-ittra Triq Lapsi kienet deskritta mis-Sindku bħala triq li fiha hu meħtieġ investiment imminenti.
Il-Kunsill Lokali ġie nfurmat li fi żmien qasir, l-Awtorità tat-Trasport mistennija tibda x-xogħolijiet għal wiċċ ġdid fi Triq Lapsi.
Dan l-investiment isegwi diversi xogħolijiet oħra li saru fl-aħħar xhur fit-toroq tas-Siġġiewi.
Il-Kunsill Lokali b’ko-finanzjament mal-UE investa aktar minn €200,000 f’żewġ toroq rurali li huma t-Triq ta’ Ħal Xluq u Triq Wied Costa. Dan filwaqt li għaddejjin diskussjonijiet biex isiru tlett toroq rurali oħra, ko-finanzjati mill-UE wara li jitwettaq proġett mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, liema proġett ukoll se jsir b’fondi Ewropej.
Fl-istess waqt sar investiment ta’ madwar €50,000 f’żewġ toroq residenzjali li huma parti minn Triq Nerik Vassallo u Triq San Ġorġ Preca. F’Lulju li għadda beda wkoll l-investiment mill-Awtorità għat-Trasport fi Triq Kilpa li bħalissa jinsab fl-aħħar fażi tiegħu. Sadanittant il-Kunsill Lokali għadu qed jinsisti li jsiru laqgħat mal-Ministeru għall-Infrastruttura biex jiġi diskuss investiment meħtieġ f’diversi toroq rurali oħra fis-Siġġiewi. Mhux biss, il-Kunsill Lokali jinvesti madwar €80,000 fis-sena, f’patching tat-toroq, fil-manutenzjoni ta’ bankini u fil-mirja u tabelli.
F’kumment lil dan l-istazzjon, is-Sindku tas-Siġġiewi qalet li l-investiment fi Triq Lapsi se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura fir-raħal tas-Siġġiewi. Hi sostniet li l-Kunsill Lokali għamel diversi talbiet matul s-snin għal dan l-investiment u se jibqa’ jirsisti biex fis-Siġġiewi jibqgħu jiġu attirati fondi lokali u ewropej li jtejbu l-infrastruttura u t-toroq rurali
//= $special ?>
