Ekonomija Lokali

L-APS Bank jagħmel profitt ta’ €18.4 miljun qabel it-taxxa

L-APS Bank ħabbar profitt rekord ta’ €18.4 miljun għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2017, żieda ta’ 16% fuq l-2016, waqt li rreġistra tkabbir qawwi u livelli rekord ta’ attività f’kull qasam. Dawn ir-riżultati tħabbru waqt preżentazzjoni li l-kumpanija tat fil-Corinthia Palace Hotel & Spa fil-25 ta’ April, 2018.

F’ambjent fejn il-kummerċ sejjer tajjeb, ikkaratterizzat minn rati ta’ mgħax baxxi ħafna, minn obbligi regolatorji dejjem aktar ta’ piż, minn sitwazzjonijiet ġeopolitiċi internazzjonali li huma instabbli, u kondizzjonijiet ekonomiċi fl-Ewropa li sejrin għall-aħjar – u Malta kellha fost l-aqwa prestazzjonijiet – ir-riżultati tal-APS Bank jikkonfermaw kemm hu sod il-mudell kummerċjali tiegħu u juru bid-deher it-trasformazzjoni li għaddej minnha l-Bank.

Id-Dħul mill-Operat tal-Grupp kiber bi 22%, minn €34.9 miljun għal €42.8 miljun. Dan juri kemm in-negozju rranka bil-qawwi, hekk li ġera iżjed mill-programmi ta’ investiment intens fit-teknoloġija, ta’ trasformazzjoni tal-mezzi tas-servizz, ta’ tisħiħ tal-istrutturi tar-riskju, osservanza u governanza, u tal-investiment fir-riżorsi umani – programmi dawn li għadhom għaddejjin bla waqfien. Ir-relazzjoni bejn in-nefqa u l-effiċjenzja baqgħet ta’ madwar 50% minkejja ż-żieda sostanzjali fl-attività.

Il-kwalità tal-kreditu tal-Bank baqgħet ġeneralment titjieb, u s-self li ma jirrendix naqas minn 6.4% tas-self gross fl-2016 għal 4.2% fl-2017, minkejja li f’din is-sena żdiedu l-provvedimenti netti għal self indebolit. Ir-redditu fuq l-ekwità (ROE) tela’ għal-livell sabiħ ta’ 11.5% (2016: 10.1%). It-tkabbir fil-karta tal-bilanċ ukoll kien b’saħħtu, bl-assi totali jiżdiedu b’16% għal €1.5 biljun u bl-attività ta’ ġbir ta’ depożiti u dik tal-għoti ta’ self jiżdiedu rispettivament bi 11% u b’27% fuq dawk tal-2016. Ir-relazzjoni tal-Kapital Totali tal-Grupp, li jikkonsisti primarjament minn ekwità tal-Ewwel Saff, kienet ta’ 14.8%, ċifra aktar baxxa minn tas-sena ta’ qabel imma xorta waħda ogħla sew mill-minimu regolamentari.

Hu u jippreżenta r-riżultati u jikkummenta fuq il-prospettiva għall-2018, is-CEO tal-Bank Marcel Cassar qal hekk: “Aħna mixjin ‘il quddiem bit-trasformazzjoni fuq diversi livelli – fl-organizzazzjoni, fin-network u l-proċessi, fit-tisħiħ tal-infrastrutturi tal-governanza, ir-riskju u l-osservanza, u fit-titjib tal-kwalità u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tad-dħul – u dan ipoġġina f’pożizzjoni soda biex nikbru u nirbħu sehem akbar mis-suq”.

Iċ-Chairman tal-Bank Frederick Mifsud Bonnici qal: “Aħna għandna mudell kummerċjali li huwa differenzjat, iffokat fuq il-klijent, sempliċi u ta’ riskju baxx, u dan jgħinna, kif nemmen jien, biex nibqgħu nissodisfaw lill-klijenti u lill-azzjonisti tagħna u nibqgħu nkunu ta’ sostenn għall-komunitajiet li noperaw fihom. Bil-pedamenti solidi tagħna, u bil-bażi kapitali b’saħħitha u l-impjegati dedikati u impenjati li għandna, nistgħu nħarsu ‘l quddiem verament b’ottimiżmu.”

Tags