Lokali

L-aspiranti għat-Tmexxija jniedu block-votes għall-Eżekuttiv tal-Partit Laburista

Rapport investigattiv tal-ġurnal In-Nazzjon

Filwaqt li f’dawn il-jiem qed titlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, qiegħed jidher evidenti li t-tliet aspiranti ewlenin li jieħdu t-Tmexxija tal-Partit Laburista f’idejhom se jkunu l-Ministru Chris Fearne, l-Ewroparlamentari Miriam Dallia kif ukoll l-Avukat u l-Konsulent Legali tal-Prim Ministru, Robert Abela.

Ċavetta importanti fil-kampanja uffiċjali eventwali li dawn it-tliet kontendenti jridu jagħmlu fix-xhur li ġejjin appena l-Prim Ministru Joseph Muscat iwarrab – kif ilu jgħid – mit-tmun tal-Partit u mill-kariga ta’ Prim Ministru – huma l-membri fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Proprju f’din il-Konferenza Ġenerali Annwali qed issir l-elezzjoni għall-ħatra tal-Eżekuttiv il-ġdid u għal din it-tellieqa qed jieħdu sehem għoxrin persuna li diġà huma b’xi mod jew ieħor involuti fil-ġerarkija ta’ fuq tal-Partit Laburista.

Madankollu dak li hu aktar evidenti minn hekk hu l-fatt li meta wieħed janalizza sew l-ismijiet li qed jieħdu sehem f’din it-tellieqa għal post fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, isib ismijiet ta’ kandidati li huma viċin ħafna tal-Ministru Chris Fearne, oħrajn li huma qrib l-Ewroparlamentari Miriam Dalli u oħrajn leali lejn il-familja Abela.

Nifhmu li għalkemm qed tingħata l-impressjoni li din hi elezzjoni kwieta, madankollu minn taħt qed isiru għadd ta’ manuvri bl-iskop li jirbħu l-kandidati fi block-vote u mhux f’ieħor.
Ma tonqosx l-imbuttatura ta’ Kastilja li għalkemm fid-deher tipprova twassal messaġġ li qed toqgħod lura milli tippreferixxi xi kandidat minn ieħor, iżda l-verità kulħadd jafha… Joseph Muscat u ta’ madwaru jridu lil Miriam Dalli biex tkompli fit-tmun tal-Partit.

Hu sigriet magħruf li hemm min f’Kastilja li ma jkun assolutament komdu xejn kemm-il darba Chris Fearne jew Robert Abela jieħdu f’idhom huma t-Tmexxija tal-Partit Laburista.

Wieħed ma jridx jinsa kif kandidat ieħor li kien interessat għat-Tmexxija tal-Partit Laburista – Ian Borg – jidher li kien persważ jikkontesta għar-rwol ta’ Viċi-Mexxej u għalhekk jidher li momentarjament naqqas ir-ritmu fil-kampanja li kien qiegħed jagħmel.

Fil-frattemp Miriam Dalli qed tkompli tifrex il-kampanja tagħha b’mod sottili ħafna anki għaliex taf li għandha appoġġ qawwi minn Kastilja u anki diskretament mill-istrutturi tal-Partit. Il-programm LEAD miexi kif ippjanat u kif żvelat diġà mill-midja tagħna, dan għandu jservi ta’ forċina b’saħħitha ħafna fil-kampanja li uffiċjalment għad trid tagħmel Miriam Dalli biex tieħu l-post ta’ Joseph Muscat.

Min-naħa l-oħra jsegwi b’attenzjoni kbira l-Ministru Chris Fearne li iżda mad-delegati qed juża bl-aktar mod intelliġenti l-għodda li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu – ċioè d-Dipartimenti fil-Ministeru tas-Saħħa – biex jassigura li hu wkoll ikollu kampanja b’saħħitha darba tibda t-tellieqa għall-ħatra ta’ Mexxej Laburista.