Internazzjonali

L-eks-President Napolitano jirkupra wara operazzjoni

L-eks-President Taljan Giorgio Napolitano kellu jkun operat b’emerġenza f’qalbu wara li nqasmitli l-akbar arterja f’ġismu. L-operazzjoni fl-Isptar San Camillo f’Ruma fuq Napolitano, li għandu 92 sena, kienet deskritta bħala suċċess u hu kien f’kundizzjoni stabbli.

It-tobba qalu li issa l-qalb kienet qed taħdem, imma wieħed kellu jsitenna u jara. Napolitano kien President bejn l-2006 u l-2015 u kien meqjus kolonna tal-istabbiltà fil-pajjiż waqt żmien ta’ taqlib politiku kbir.

Tmexxija li rat lil Romano Prodi, Silvio Berlusconi, Mario Monti u Enrico Letta Prim Ministri tal-Italja. Waqt il-Presidenza ta’ Napolitano, l-Italja għaddiet ukoll mill-agħar reċessjoni minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinija. Fl-2013 hu aċċetta li jservi mandat ieħor fost staġnar politiku kbir, imma rriżenja sentejn wara minħabba l-età.

Napolitano, li ġej minn dak li kien il-Partit Komunista, kien rispettat kemm mil-Lemin u mix-Xellug fix-xena politika Taljana. Aktar kmieni dan ix-xahar, l-eks-President Giorgio Napolitano għen lill-President Sergio Mattarella fin-negozjati politiċi minħabba l-istaġnar politiku ta’ bħalissa.