Lokali Qorti

L-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb jitlef erba’ libelli kontra l-PN

Il-konsulent ta’ Joseph Muscat, Tony Zarb, illum tilef erba’ libelli li kien fetaħ fl-2013 kontra l-Partit Nazzjonalista. Il-libelli kienu relatati ma’ recordings sigrieti li xxandru ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali, b’akkużi ta’ abbuż serju u korruzzjoni.

Diversi esponenti tal-PN kienu tkellmu dwar dawn ir-recordings li tpoġġew fuq YouTube.

Fl-audio kien jistema’ Tony Zarb, flimkien ma’ Gejtu Mercieca, Dominic Gafa u Michael Ferry. Huma kienu qed jitkellmu waqt ikla privata.

Fi Frar 2013, Tony Zarb kien qalilna li mhux se jirrizenja mill-GWU minkejja l-appelli biex jaghmel dan wara li konversazzjoni li żvela Net News turi b’mod ċar kif il-GWU qed tirrikatta kuntratturi u kumpaniji fin-negozju u tgħidilhom li jekk jagħmlu dak li trid hi, tagħtihom puxxjatura fit-tenders, aktar u aktar jekk ikun hemm Gvern Laburista.

Imma jekk ma jaghmlux dan, tkompli tattakkahom fil-gazzetti tagħha.