Lokali

L-FIAU u l-MFSA ma jweġbux dwar il-Bank Pilatus

Minkejja l-mistoqsijiet speċifiċi li saru mill-Membri tal-Parlament Ewropew waqt sessjoni apposta f’laqgħa tal-Kumitat fi Brussell, rappreżentanti tal-FIAU u tal-MFSA naqsu milli jwieġbu dawn il-mistoqsijiet. Tant li r-rappreżentanti tal-aġenziji li huma taħt il-lenti minħabba l-liċenzja tal-Bank Pilatus, spiċċaw ikkritikati minn diversi MEPs talli ma tawx it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li sarulhom. Fost l-oħrajn, saru mistoqsijiet diretti mill-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola.

Iżda ma kenitx l-MEP Maltija biss li għamlet il-mistoqsijiet. Kien hemm; l-MEP Soċjalista Ana Gomes, l-MEP Liberali Nils Torvalds, l-MEP tal-Ħodor Molly Scott Cato, ankè l-MEP tax-Xellug Stelious Kouloglou kien iebes ħafna fil-mistoqsijiet tiegħu.

Minn naħa tagħhom, ir-rappreżentanti tal-FIAU u l-MFSA, f’diversi ċirkostanzi, sostnew li huma marbutin b’kunfidenzjalità.

Waqt dan id-dibattitu, sar magħruf ukoll li investigazzjoni fid-dettall dwar il-Bank Pilatus bdiet biss fi Frar ta’ din is-sena, jiġifieri xhur sħaħ wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kixfet kif dan il-Bank intuża biex jgħaddi flus maħmuġin, u li għandu kontijiet kemm għal politiċi Maltin kif ukoll għall-familja Aliyev tal-Ażerbajġan. Din l-investigazzjoni, skont l-uffiċjal tal-MFSA, għadha mhix lesta.