Lokali Qorti

Mudell 3D li juri ix-xena kollha wara l-karozza-bomba

Il-Qorti tordna biex jiġu salvati il-filmati mill-SD cards li juru t-tfittxijiet fil-baħar

Il-kriminologu Saviour Formosa preżenta lill-Qorti analiżi dettaljata tal-istudji diġitali u l-ispatial analysis li għamel, hekk kif dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Meta kien qed jagħti x-xiedha tiegħu, Formosa qal li ħoloq xena 3D taz-zona inkluż tal-karozza wara l-isplużjoni, minn ġewwa u minn barra. Il-Qorti talbet li jiġi estiż l-inkarigu tal-kriminologu biex fil-ġimgħat li ġejjin jippreżenta l-mudell tridimensjonali li se jinġib mir-Renju Unit.

Fuq talba tal-prosekuzzjoni, il-Qorti nnominat lil Keith Cutajar biex jestropola l-informazzjoni fl-SD cards li fihom il-filmati tat-tfittxijiet li saru fil-baħar f’Diċembru li għadda meta ġew arrestati t-tliet akkużati. Dan wara li fil-Qorti intqal li m’humiex aċċessibbli għax fi kliem il-Kaptan Sant huma ‘corrupted’.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit talbet li l-espert janalizza bir-reqqa l-cards u jipprova joħroġ kull informazzjoni li fihom minħabba l-fatt li jista’ jkun li mhuwiex ċar.

Il-Maġistrat qalet li ħafna mix-xhieda li kellha tippreżenta l-prosekuzzjoni ma ġewx bl-Ispettur Keith Arnaud jispjega li ħafna minnhom għadhom qed jaħdmu fuq ir-rapporti li jridu jippreżentaw fil-kumpilazzjoni.

Il-każ se jkompli fit-22 ta’ Mejju.