Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Oxlade-Chamberlain se jitlef it-Tazza tad-Dinja

Oxlade-Chamberlain se jitlef it-Tazza tad-Dinja. Il-midfielder tat-tim nazzjonali Ingliż Alex Oxlade-Chamberlain se jitlef it-Tazza tad-Dinja fir-Russja f’Ġunju li ġej wara li mit-testijiet li saru kien stabbilit li l-plejer ta’ Liverpool qata’ l-legamenti ta’ rkopptu, meta weġġa’ fis-semi finali tal-UEFA Champions League bejn Liverpool u Roma f’Anfield.

Oxlade-Chamberlain weġġa’ fit-18-il minuta ta’ din is-semifinali li ntlagħbet it-Tlieta u kellu jinħarġ fuq stretcher. Fi stqarrija Liverpool qalu li l-plajer tat-tim nazzjonali Ingliż li għandu 24 sena għandu sal-istaġun li ġej biex jirritorna għal-logħob.

Ovvjament Alex Oxlade-Chamberlain se jitlef ukoll il-possibli finali taċ-Champions League fi Kiev lejn l-aħħar ta’ Mejju, fejn Liverpool wara r-ebħa ta’ 5-2 kontra Roma fl-ewwel leg, jinsabu favoriti li jirritornaw fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni wara 11-il sena, bl-aħħar dehra ta’ Liverpool tkun fis-sena 2007 f’Ateni kontra Milan, logħba li Liverpool kienu tilfu 2-1.

Għal Oxlade-Chamberlain din l-aħbar hi daqqa ta’ ħarta oħra fil-karriera sfortunata tiegħu s’issa. Sentejn ilu kien tilef il-Euro 2016 wara li wkoll kien weġġa’ rkopptu.

Erba’ snin ilu qabel it-Tazza tad-Dinja tas-sena 2014 fil-Brażil, Oxlade-Chamberlain kien ukoll weġġa’ rkopptu, iżda hu xorta waħda kien inkluż fl-iskwadra li marret il-Brażil, anki jekk hu ma lagħabx lanqas minuta waħda, f’din l-edizzjoni deludenti għall-Ingilterra.

Taħt Gareth Southgate Oxlade-Chamberlain kien sar għażla awtomatika mat-tim nazzjonali u kien mistenni li jkun fost il-pedini ċerti tat-tim nazzjonali.

Anki għal Liverpool din hi daqqa ta’ ħarta kbira għaliex minkejja l-potenzjal offensiv tagħhom ir-Reds immexxija minn Klopp għandhom problemi kbar fil-midfield fejn Oxlade-Chamberlain żdied ma’ Emre Can u Adam Lallana li wkoll huma mweġġa’.