Minn meta Daphne Caruana Galizia bdiet tikteb stejjer dwar il-Bank Pilatus, aktar minn nofs il-flus li kien hemm fil-bank ġew trasferiti xi mkien ieħor. Il-Bank Pilatus bħalissa għandu €126.9 miljun f’fondi.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew l-MEP David Casa qal: “Hu ċar li dawn il-fondi setgħu ġew minn attività kriminali u għandhom ikunu nvestigati.”
David Casa kiteb lil aktar minn 50 Financial Intelligence Units jitolbu investigazzjoni:
– f’xiri ta’ assi fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom minn fondi ġejjin mill-Bank Pilatus;
– f’fondi trasferiti minn entitajiet fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom li oriġinaw mill-Bank Pilatus;
– kwalunkwe trasferiment ta’ fondi li setgħu oriġinaw mill-Bank Pilatus;
– trasferimenti li kienu nvoluti fihom Brian Tonna u l-kumpanija tiegħu Nexia BT.
L-MEP Casa għamel referenza għall-provi li hemm fir-rapporti lleakjati mill-aġenzija Maltija kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll ir-revelazzjonijiet riċenti mid-Daphne Project, li juru l-ħidma estensiva mill-Bank Pilatus fil-mod kif ħadmet il-flus tal-familja li tmexxi l-Ażerbajġan, persuni esposti politikament f’Malta kif ukoll il-kompliċità ta’ Nexia BT.