Filwaqt li l-attakkant tal-Iżvezja Zlatan Ibrahimovic qiegħed kważi jikkonferma li se jkun parti mit-tim ta’ pajjiżu li se jikkompeti fit-Tazza tad-Dinja, l-kowċ Janne Andersson qal li l-eksplejer ta’ Man Utd m’huwiex parti mill-pjanijiet tiegħu.
Ibrahimovic kien irtira minn man-nazzjonal wara li ntemm il-Kampjonat Ewropew tal-2016 u xahar ilu mar jilgħab l-Istati Uniti ma’ LA Galaxy.
Minn dakinhar ‘l hawn beda jagħti x’jifhem li jista’ jirritorna mat-tim nazzjonali biex jilgħab fit-Tazza tad-Dinja imma f’kummenti li ta l-kowċ Andersson qal, “Zlatan u numru ta’ plejers oħra kienu nfurmawni li ma jridux jibqgħu jagħmlu parti mit-tim wara l-Euro 2016 u jien irrispettajt id-deċiżjoni tagħhom.
Hu għalhekk li issa mhux qed nagħti każ dak li qed jgħid Ibrahimovic jew x’qed tgħid il-midja dwar il-possibbiltà li jkun magħna fir-Russja. Minn dakinhar ‘l hawn jien qatt ma erġajt tkellimt ma’ Ibrahimovic imma li hu żgur hu li dawk li kienu temmew ir-relazzjoni tagħhom minn mat-tim nazzjonali sentejn ilu m’humiex parti mill-pjanijiet tiegħi.”
//= $special ?>