Falliet l-isfida legali tal-ġenituri tat-tarbija Alfie Evans, li hu marid serjament, biex jitħallew jeħduh l-Italja għall-kura medika.
Dan wara li l-qorti fir-Renju Unit ordnat li l-magna li kienet qed iżomm lit-tarbija ta’ 23 xahar ħajja f’Alder Hey Children’s Hospital, tintefa’.
Il-ġenituri ngħataw permess jieħdu t-tarbija d-dar. Imma l-Imħallef irrifjuta li jħalli lill-ġenituri Tom Evans u Kate James jieħdu t-tarbija lejn Ruma fejn sptar offra l-kura b’xejn. L-avukat tal-ġenituri, fil-bidu tas-smigħ wissa lill-qorti li l-ġenituri kienu lesti jagħmlu dak kollu li jistgħu biex isalvaw lit-tarbija.
L-avukat qal ukoll li minkejja li ntfew il-makni, Alfie kien għadu ħaj u jieħu n-nifs. Hu qal li alternattiva biex Alfie jinżamm ħaj kien hemm u kien hemm ajruplan militari Taljan lest fuq talba tal-Papa biex jieħu t-tarbija l-Italja għall-kura.
Il-magni tat-tarbija kienu ntfew wara li Imħallef iddeċieda li l-isptar seta’ jitfi l-makni ta’ Alfie anki jekk il-ġenituri ma ridux li jkun hekk. Imbagħad il-ġenituri fetħu rikors biex Alfie jittieħed minn Liverpool lejn l-Isptar Bambino Gesù f’Ruma, li għandu rabtiet mal-Vatikan. Il-każ qanqal polemika kbira minħabba l-fatt li l-qorti kienet qed tiddeċiedi jekk Alfie jgħixx jew le, kif ukoll għall-aġir u d-deċiżjoni tal-Imħallfin.
Alfie ilu fl-isptar ta’ Alder Hay minn Diċembru tal-2017 ibati minn marda rari. It-tobba qalu li din il-marda kienet qerdet moħħ it-tarbija u għalhekk kien wasal iż-żmien li jintfew il-makni.
//= $special ?>

