Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

Zammit Dimech iwassal it-tħassib tal-edukaturi Maltin f’rapport tal-UE dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni

“Jeħtieġ li ninċentivaw aktar nies jidħlu fil-professjoni tat-tagħlim billi ndaħħlu miżuri u inizjattivi attraenti, bħal titjib fil-pagi filwaqt li nassiguraw li l-għalliema jingħataw l-ikbar protezzjoni u sigurtà”. Qal dan l-MEP Francis Zammit Dimech f’kumment fi tmiem vot li ttieħed dwar rapport tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Edukazzjoni, u li nkluda wkoll numru ta’ emendi li tressqu mill-MEP Zammit Dimech. L-emendi, xprunati minn numru ta’ laqgħat li kellu Zammit Dimech fl-aħħar ġimgħat ma’ stakeholders fil-qasam tal-edukazzjoni, jirrappreżentaw it-tħassib ta’ dawn l-istakeholders, fosthom ħaddiema f’child care centres, għalliema, unions, akkademiċi, studenti u ġenituri.

Dwar l-għalliema, Zammit Dimech saħaq fuq l-importanza li jibqa’ jkun hemm taħriġ ta’ kwalità tajba bil-għan li jkunu mgħammra b’għodda li tista’ tgħinnhom fl-isfidi li jiltaqgħu magħhom fil-klassi. Hu sejjaħ ukoll għal iktar opportunitajiet għall-għalliema fuq livell internazzjonali, b’enfasi fuq skambju ta’ prattiċi tajba ma’ għalliema barranin.

Dwar l-iżvilupp tal-politika edukattiva, l-MEP Zammit Dimech saħaq fuq l-importanza li din ikollha l-parteċipazzjoni tal-istakeholders kollha, fosthom ġenituri. Zammit Dimech appella wkoll għal edukazzjoni inklussiva u ta’ kwalità għal persuni b’diżabilità sabiex ikun assigurat li dawn jgħixu bl-aktar mod indipendenti waqt li jipparteċipaw fis-soċjetà bl-aktar mod integrat u attiv.

L-MEP Zammit Dimech żied li l-iskejjel għandhom potenzjal li jkollhom rwol qawwi fit-trawwim ta’ valuri bħad-demokrazija u ċ-ċittadinanza attiva, kif ukoll fit-tqanqil tal-ħsieb kritiku u kreattiv. Hawnhekk, Zammit Dimech semma’ numru ta’ ħiliet oħra li għandhom jingħataw importanza mill-iskejjel, fosthom il-kompetenza diġitali, il-kompetenza fl-għarfien tal-lingwi, ħiliet imprandentitorjali, il-kreattività, il-ħsieb kritiku, u l-ħila li t-tfal jaħdmu f’tim wieħed. Zammit Dimech innota wkoll li kull kurrikulu modern għandu jagħti importanza akbar lill-ħiliet personali, l-għarfien dwar is-saħħa waqt li jħeġġeġ stil ta’ ħajja orjentata lejn il-futur.

Fil-proposti tiegħu, l-MEP Zammit Dimech appella wkoll biex it-transizzjoni bejn livell edukattiv u ieħor isir bl-inqas xkiel possibbli, fosthom it-transizzjoni bejn edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ sussegwenti u kif ukoll bejn it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni ogħla. L-MEP appella wkoll għal koperazzjoni ikbar bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u l-industriji.

Waqt il-laqgħat li l-MEP Francis Zammit Dimech kellu mal-istakeholders, tqajmu numru ta’ ħsibijiet li jkun sew jekk jiġu indirizzati. Fost dawn hemm il-ħtieġa li jkun hemm livell ta’ kwalità ogħla fiċ-ċentri taċ-child care u l-ħtieġa li jkun hemm iktar LSAs fil-klassijiet ma’ studenti b’diżabilitajiet differenti. Zammit Dimech appella lill-Gvern Malti biex jieħu azzjoni dwar dawn il-ħsibijiet li tqajmu mill-istakeholders stess.