Żewġ persuni ddaħħlu għall-kura fl-Isptar Mater Dei wara ħabta bejn mutur u tliet vetturi oħra fi Triq Dun Karm, il-bypass ta’ Birkirkara.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-13:50 meta kien hemm impatt bejn is-sewwieq tal-mutur, żewġ vetturi tat-tip Toyota Aygo u Vauxhall Astra misjuqa minn żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Birkirkara.
Kemm is-sewwieq tal-mutur, Brittanniku ta’ 54 sena residenti r-Rabat, u s-sewwieqa ta’ waħda mill-vetturi Aygo, mara ta’ 30 sena mill-Belt Valletta, kellhom jittieħdu l-isptar. Ix-xufiera tal-Aygo l-oħra, mara ta’ 52 residenti n-Naxxar, ma sofrietx ġrieħi.
L-inċident ikkawża traffiku qawwi matul il-bypass, u fil-post kellhom jissejħu kemm uffiċjali tal-Pulizija biex jidderieġu t-traffiku kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili biex tneħħa l-periklu kkawżat minn żejt li xtered matul it-triq.
Fortunatament ħadd minn dawk li ttieħdu l-isptar ma jinsab f’qagħda kritika.
//= $special ?>