Futbol Sport

Andres Iniesta jħabbar li se jħalli lil Barcelona

Andrea Iniesta emozzjonat (Ritratt: EPA)

Il-midfielder Andres Iniesta ħabbar li se jħalli lil Barcelona dan is-sajf wara 22 sena mal-klabb, Il-plejer ta’ 33 sena ħabbar din id-deċiżjoni waqt konferenza stampa fit-training grounds ta’ Barcelona, biex b’hekk se jkun qed itemm karriera mill-aqwa fin-Nou Camp.

Iniesta ta l-aħbar f’konferenza stampa li fiha attendew ukoll sħabu tat-tim, bl-Ispanjol bid-dmugħ f’għajnejh. Il-midfielder mistenni jirbaħ id-disa’ kampjonat tiegħu dan l-istaġun, minbarra r-rebħ taċ-Champions League għal erba’ darbiet u sitt darbiet it-Tazza tar-Re.

Hu mistenni li jkompli jilgħab fis-Super League Ċiniż ma’ Chongqing Dangdai Lifan, bil-President tagħhom Gong Daxing jammetti riċentament li jinsabu f’negozjati mal-plejer.

“Dan hu l-aħħar staġun tiegħi hawn. Ħsibt fuq din id-deċiżjoni għal ħafna żmien. Għalija, Barcelona huma l-aqwa klabb fid-dinja u l-klabb tani kollox. Nixtieq nirringrazzja lil sħabi u lil kull min kien miegħi kuljum għaliex għamluni aħjar. Kienet ħolma li saret realtà, b’ħafna unuri u mumenti importanti tul il-karriera. Ninsab kuntent u kburi ħafna li lagħbt ma’ dan il-klabb,” qal l-Ispanjol.

Dwar il-futur, Iniesta qal li qatt mhu se jilgħab kontra Barcelona u għalhekk eskluda li jingħaqad ma’ tim fl-Ewropa, fejn qal li kulħadd se jkun jaf fi tmiem l-istaġun.

Iniesta kien ingħaqad mal-akkademja ta’ Barcelona fl-età ta’ 12-il sena. Hu wasal biex sar wieħed mill-aqwa plejers li qatt lagħbu fl-istorja tal-klabb, fejn għen lit-tim jirbaħ 31 titlu, rekord li jaqsam ma’ Lionel Messi.