Knisja Lokali Saħħa

Anke l-Knisja tappella lill-Gvern biex jikkonsulta u ma jkunx hemm għaġla

Il-Kummissjoni Ġustizzja tixtieq tingħaqad mal-President ta’ Malta u titlob għal diskussjoni aktar dinjituża

Il-Kummissjoni Ġustizzja u l-Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta qed issejjaħ għal djalogu responsabbli li jmur lil hinn minn pożizzjonijiet polarizzati, u li jkun iffukat fuq il-ġid komuni ta’ kulħadd mingħajr ma jiġu attakkati personalment dawk li għandhom fehmiet opposti.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kurja aktar kmieni illum.

Intqal illi mhix l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi li tirrepeti dak li l-Knisja diġà espremiet b’mod ċar dwar dawn il-proposti. Madanakollu, il-Kummissjoni tinsab mħassba bil-mod mgħaġġel li bih qed jitressqu l-emendi proposti mill-Parlament fi ftit jiem, u dan billi tiġi eliminata kompletament kull forma ta’ konsultazzjoni u dibattitu pubbliku strutturat, u bħala riżultat iwassal għal konfużjoni mifruxa dwar x’qed jipproponi fil-fatt l-abbozz tal-Liġi.

L-għadd kbir ta’ persuni li attendew il-mixja favur il-ħajja li saret nhar il-Ħadd li għadda hija prova ċara tal-fatt li dan huwa suġġett għal qalb ħafna ċittadini, u li jqajjem tħassib wiesa’ li jaffettwa firxa kbira tas-soċjetà.

Il-Kummissjoni qed tingħaqad mal-President ta’ Malta u titlob għal diskussjoni aktar dinjituża dwar dawn il-kwistjonijiet ferm kontroversjali.

“Hu d-dmir tal-klassi politika li tiżgura li diskussjoni bħal din isseħħ b’mod li jiżgura li l-partijiet kollha kkonċernati u l-pubbliku jingħataw spazju bbilanċjat biex jesprimu l-opinjonijiet u t-tħassib tagħhom, u li jingħata ż-żmien adegwat sabiex din il-leġiżlazzjoni proposta tiġi studjata u emendata kif meħtieġ għall-ġid komuni”.