Internazzjonali

Iċ-Ċina: Studenti massakrati minn raġel armat b’sikkina

Talanqas seba’ studenti nqatlu b’daqqiet ta’ sikkina meta spiċċaw aggrediti minn raġel barra skola sekondarja fid-distrett ta’ Mizhi, fil-provinċja Ċiniża ta’ Shaanxi.

Ir-rapporti mill-inħawi rreferew ukoll għal talanqas 12 il-midruba u qalu li l-attakk seħħ meta l-istudenti kienu sejrin lura d-dar wara ġurnata ta’ lezzjonijiet. Ingħad ukoll li l-pulizija qed iżżomm raġel fuq suspett li wettaq il-massakru, b’dan qiegħed jgħin fl-istħarriġ.

L-istudenti midruba — li x’aktarx li għandhom bejn 12 u 15 il-sena — iddaħħlu b’urġenza l-isptar fejn qed jingħataw trattament.

Intant, il-pulizija ma kummentatx dwar l-iskop li seta’ kellu l-aggressur meta fl-aħħar snin, fiċ-Ċina, kien hemm sensiela ta’ attakki fatali minn persuni armati bis-skieken.