Futbol Sport

Illum il-playoff tal-Kampjonat BOV Premier bejn Tarxien u Żejtun

Illejla fil-Hibernians Stadium f’Kordin jinżel is-siparju fuq il-Kampjonat Premier meta tintlagħab il-playoff għall-aħħar post fil-Kampjonat Premier fl-istaġun li ġej, fejn jiltaqgħu Tarxien Rainbows li spiċċaw fit-12-il post f’dan l-istaġun, u Żejtun Corinthians li kisbu t-tielet fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Kemm ilha li kienet introdotta din is-sistema kienu dejjem it-timijiet tal-Premier, li anki jekk b’diffikulta dejjem żammew l-istatus tagħhom.

Mingħajr dubju li Tarxien jippruvaw iżommu din it-tradizzjoni u jibdew ukoll xi ftit favoriti fuq l-entużjażmu taż-Żwieten li mistennija li jkollhom ammont sostanzjali ta’ partitarji jappoġġawhom.

Tarxien temmew il-kampjonat Premier f’forma ferm tajba fejn fl-aħħar logħbiet għelbu lil Balzan li kieneu qed jiġġieldu għat-titlu u anki kisbu draw ta’ 2-2 fid-derby kontra Hibernians.

Tarxien fallew biss fl-aħħar logħba kontra St.Andrew’s fejn setgħu jiksbu biss draw ta’ mingħajr gowls u b’hekk m’evitawx dan il-playoff.

Għal Żejtun din hi l-ikbar opportunita’ li jiksbu post għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom fl-ogħla kategoirja tal-futbol Malti. Fl-aħħar snin dejjem kienet ambizzjoni taż-Żwieten li jiksbu post mal-kbar iżda l-attentati tagħhom s’issa dejjem fallew.

F’dan l-istaġun wara bidu diffiċli u minkejja li kienu meqjusa fost il-favoriti, kien biss fit-tieni rawnd li b’xi akkwisti f’Jannar ukoll, urew il-potenzjal tagħhom u rkupraw diversi pożizzjonijiet biex kisbu t-tielet post, u issa jinsabu biss disgħin minuta ‘l bogħod minn promozzjoni storika.