Wara ġimgħat ta’ passi biex titnaqqas it-tensjoni fil-peninsula Koreana, illum qed isir is-Summit storiku bejn il-President tal-Korea ta’ Isfel Moon Jae-in u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un.
Is-Summit qed isir tul dak magħruf bħala l-Military Demarcation Line, tul il-fruntiera bejn iż-żewġ Korej, u li għall-ewwel darba f’aktar minn 60 sena qed jara Mexxej tal-Korea Komunista jaqsam lejn territorju tal-Korea ta’ Isfel.
Il-President Moon ta merħba lil Kim mal-blokok tal-konkos li jimmarkaw il-fruntiera bejn iż-żewġ Korej. Min-naħa tiegħu, f’mossa mhux mistennija, Kim stieden lil Moon biex jgħaddi għal ftit sekondi fin-naħa tal-Korea ta’ Fuq qabel ma ż-żewġ Mexxejja reġgħu lura għall-Korea ta’ Isfel.
Minn hemm, iż-żewġ Mexxejja mxew lejn dik li hi magħrufa bħala d-Dar tal-Paċi, fejn ingħata bidu għas-Summit qabel ma d-delegazzjoni ta’ Pyongyang marret lura lejn il-Korea ta’ Fuq biex tiekol.
Aktar tard, Moon u Kim żergħu siġra flimkien tul il-linja li taqsam liż-żewġ pajjiżi, filwaqt li fi tmiem il-ġurnata mistennija joħorġu stqarrija konġunta qabel il-pranzu u ċerimonja tat-tluq.
Id-delegazzjoni tal-Korea ta’ Fuq tinkludi lil oħt il-Mexxej Komunista, Kim Yo-jong, li hi l-aktar Konsulent fdata tiegħu. Fi Frar li għadda, hi kienet marret għall-ftuħ tal-Logħob Olimpiku fil-Korea ta’ Isfel, li serva ta’ xprun biex titnaqqas it-tensjoni bejn iż-żewġ Korej.
Hemm ukoll Kim Yong-nam, li kien akkumpanja lil Yo-jong fi Frar u li għandu t-titlu uffiċjali simili għal dak ta’ Kap tal-Istat.
Dan hu t-tielet Summit bejn il-Mexxejja taż-żewġ Korej fl-aħħar 65 sena u qed isir wara xhur ta’ tensjoni kbira, fejn ħafna kienu qed ibassru li d-dinja kienet waslet f’xifer ta’ gwerra.
Imbagħad, sa qabel l-aħħar ta’ Ġunju, għandu jsir Summit ieħor, li hu aktar mistenni u importanti, bejn Kim u l-President Amerikan Donald Trump. Madankollu, dwar dan, s’issa għadha la tħabbret data u lanqas il-post fejn se ssir il-laqgħa.
//= $special ?>

