Ekonomija Lokali

Jippersisti l-prekarjat f’Malta, bil-Gvern jibqa’ ma jagħmel xejn – UĦM Voice of the Workers

"Bżonn li tintrefa r-responsabbiltà politika u jsir pjan fit-tul"

F’pajjiżna qed jippersisti l-prekarjat, bl-ekonomija jingħad li sejra tajba, biss għal numru żgħir ta’ nies.

Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, Josef Vella b’messaġġ ċar lejn il-Gvern. Qal li l-ħaddiema m’għandhomx jiġu użati.

Il-Kap Eżekuttiv qal li fejn jidħol is-settur tas-saħħa, huma qatt ma ffirmaw ftehim mal-VGH, filwaqt li qed jaħdmu biex minn dan l-iżball ma jispiċċawx ibagħtu l-impjegati. Fid-diskors tiegħu, Josef Vella qal li hemm bżonn li tintrefa r-responsabbiltà politika u jsir pjan fit-tul, fejn il-ħaddiema jiġu l-ewwel.

Żied jgħid li l-ekonomija mhix se timxi ‘l quddiem billi nbiegħu l-passaporti, iżda hemm bżonn li minflok nibdew naħsbu dwar il-pensjonijiet li għad iridu jirċievu l-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ llum.

Hu qal li għalkemm l-ekonomija qed jgħidu li sejra tajba, għadha teżisti l-problema tal-prekarjat u jkompli jiżdied l-abbuż tal-outsourcing.

Qal li l-ekonomija sejra tajba għal ftit, tant li uħud  mill-Maltin qas jaffordjaw li jkollhom tal-anqas żewġ pari żraben.

B’referenza għad-diskussjoni dwar l-emendi proposti mill-Gvern għall-Att dwar il-protezzjoni tal-embrijuni, Josef Vella qal li dan huwa suġġett delikat u wieħed m’għandux jilgħab bl-emozzjonijiet ta’ dawk li ma jistax ikollhom it-tfal.

Josef Vella spiċċa billi qal li diversi pajjiżi Ewropej għandhom paga u pensjoni ħafna iktar adekwata minn dawk t’hawn Malta. B’hekk wieħed għandu jgħati d-dinjità lil impjegati, jingħata servizz professjonali u effiċenti, u lealtà assoluta lejn il-ħaddiema.

Josef Vella – Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers