Internazzjonali

L-attur komiku Bill Cosby ħati ta’ vjolenza sesswali

Bill Cosby

L-ISTATI UNITI
L-attur komiku Amerikan, Bill Cosby, instab ħati dwar tliet akkużi ta’ vjolenza sesswali, b’kull akkuża ġġorr priġunerija potenzjali ta’ għaxar snin.
Cosby, li għandu 80 sena, magħruf l-aktar għas-sensiela The Cosby Show, kien il-qorti fuq akkużi li, fl-2004, spiċċa jaggredixxi mara, eksplejer tal-basketball bl-isem ta’ Andrea Constand, bi skop sesswali. Akkuża oħra tgħid li l-vittma, qabel l-attakk, ‘kienet spiċċat iddrogata fuq l-inizjattiva ta’ Cosby’.
Ir-rapporti qalu li Cosby insolenta wieħed mill-prosekuturi meta nqralu l-verdett fil-qorti ta’ Pennsylvania. Dan wara li l-prosekuturi sostnew li Cosby ma kellux jingħata l-libertà proviżorja ‘minħabba li, bħala raġel sinjur, seta’ juża ajruplan privat biex jaħrab’.
Din kienet it-tieni darba li l-attur kien ipproċessat għall-allegazzjonijiet inkwistjoni wara li proċess tal-qorti preċedenti naqas milli jilħaq verdett f’Ġunju li għadda. Tul is-snin, għexieren ta’ nisa kienu akkużaw lil Cosby dwar ‘imġiba ħażina bi skop sesswali’, iżda l-liġi għall-istatut ta’ limitazzjoni tfisser li hu spiċċa proċessat għal każ wieħed biss.