Lokali

L-Unjoni Ewropea tipprojbixxi l-użu ta’ pestiċida li jagħmel ħsara lin-naħal

Il-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea qablu fuq projbizzjoni tal-użu ta’ pestiċida li jista’ jagħmel ħsara wkoll lin-naħal u li jintuża bħala bexx għal prodotti agrikulturali differenti.

Fl-istess waqt il-Kummissjoni Ewropea hi kommessa fuq l-iżvilupp ta’ inizjattiva li ssaħħaħ abitat favur in-naħal u li toffri alternattiva biex il-bdiewa jużaw dejjem inqas il-pestiċida.

Din hi deċiżjoni importanti li tolqot b’mod speċjali lil pajjiżna, fejn is-settur tan-naħal jaffaċċja diversi sfidi, fosthom il-biża’ ta’ estinsjoni tan-naħla endemika Maltija. Studju tal-2015 kien sab ukoll li waħda minn kull għaxar speċi ta’ naħal fl-Ewropa huma f’riskju.

Fl-Ewropa, jingħad li x-xogħol tan-naħal biex jippollinizzaw il-prodotti agrikoli għandu valur ta’ €22 biljun fis-sena, waqt li ċ-ċifra titla’ għal €153 biljun b’mod globali.

Fi stqarrija, id-Direttur ta’ Friends of the Earth Malta Martin Galea De Giovanni ddikjara din id-deċiżjoni bħala rebħa tremenda għan-naħal u l-ambjent tagħna, filwaqt li jappella biex il-bdiewa jirċievu iktar appoġġ mill-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet lokali biex jaħdmu b’metodi favur in-natura.

De Giovanni appellla lill-Gvern biex issa joħroġ bi strateġija nazzjonali jew pjan ta’ azzjoni favur in-naħal lokali b’enfasi wkoll fuq il-biodiversità, il-bidla fil-klima, is-sigurtà fl-ikel, inizjattivi favur il-biedja kif ukoll pjani dwar żvilupp rurali u urban. Dan diġa’ jeżisti f’pajjiżi oħra Ewropej fosthom l-Olanda, l-Iskozja, Wales, l-Irlanda, Franza u n-Norveġja.

Il-gruppi Ewropej ta’ Friends of the Earth qed iħeġġu wkoll lill-gvernijiet biex iwettqu bidla radikali fis-sistemà tal-ikel u tal-biedja biex din tkun inqas dipendenti fuq il-pestiċidi.