Kultura Lokali

“Mario Philip Azzopardi għandu jirriżenja” – il-Fondazzjoni Aditus

Mario Philip Azzopardi

“F’soċjetà li suppost tippromwovi l-ugwaljanza, dinjità u r-rispett għad-drittijiet umani funamentali, hu inaċċettabbli li n-nisa jiġu offiżi b’dan il-mod.”

Hi din ir-reazzjoni tal-Fondazzjoni Aditus, Fondazzjoni lokali li taħdem favur id-drittijiet u rispett tas-soċjetà, fejn titlob it-tkeċċija tad-Direttur Artistiku ta’ V18 Mario Philip Azzopardi.

Ir-reazzjoni tasal wara li Azzopardi nfexx f’sensiela ta’ offiżi u tgħajjir, saħansitra anke abbażi tal-ġeneru, fil-konfront ta’ Martina Urso, waħda mill-Maltin f’Londra li pprotestaw mal-wasla tal-Prim Ministru Joseph Muscat għal ikla f’Lodnra.

Aditus tiddikjara li “l-insulti diżgustanti jistgħu jkunu l-metodu magħżul minnu biex jesprimi lilu nnifsu, iżda huma kummenti li joffendu l-liġi, politika u valuri li jassiguraw il-protezzjoni ta’ kull persuna u li għandhom l-iskop li jintimidaw.”

“Il-Gvern ma jistax jiddefendi l-lingwa diżgustanti ta’ Mario Philip Azzpardi fl-istess waqt li jadotta liġijiet li jipproteġu lil kull persuna minn vjolenza abbażi tal-ġeneru,” tiddikjara l-aditus fi stqarrija.

L-istess Fondazzjoni tappella lill-awtoritajiet pubbliċi biex huma wkoll jesprimu d-diżgust tagħhom għal dak li “essenzjalment hu biss vjolenza verbali ta’ raġel li jokkupa kariga pubblika, kontra mara li kienet qed teżerċita d-dritt fundamentali tagħha li tipprotesta. Kwalunkwè ħaġa inqas minn kundanna assoluta tfisser biss appoġġ għalih, u għalhekk għandu jitlaq.”

Dan hi biss l-aħħar minn sensiela ta’ kontroversji li ħakmu lill-Fondazzjoni Valletta 2018, wara li kummenti taċ-Chairman Jason Micallef intiżi biex jirridikolaw il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia wasslu għal petizzjoni minn kittieba internazzjonali, oħra minn artisti lokali u saħansitra bojkott mill-belt Olandiża Leeuwarden-Fryslân, li bħalissa wkoll qed tiċċelebra t-titlu ta’ Belt Kulturali Ewropea.