Il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma laqax l-appell tal-President ta’ Malta għal perjodu itwal ta’ konsultazzjoni dwar l-emendi li jrid idaħħal il-Gvern għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li jinnota l-istqarrija tal-President, meta din qalet li “qed tappella għall-kalma u għal perjodu itwal ta’ riflessjoni sabiex il-vuċijiet kollha jinstemgħu”.
Madanakollu l-Gvern injora dan l-appell u qal li jrid jemenda l-liġi eżistenti tal-IVF “bla dewmien”. Skont il-Gvern, dan irid jagħmlu għax marbut b’mandat elettorali. Madanakollu, jekk wieħed iħares lejn il-manifest elettorali tal-Partit Laburista (ritratt isfel) jinduna li mkien ma jissemma l-iffriżar tal-embrijuni jew is-surrogacy. Jingħad biss li l-Partit Laburista jrid isaħħaħ il-liġi tal-IVF.
Il-President kienet appellat għall-konsultazzjoni dwar dan is-suġġett sensittiv tant li offriet li tmexxi l-medjazzjoni. Iżda fl-istqarrija maħruġa mill-Gvern, ġew ikkonfermati l-intenzjonijiet tal-Gvern li jgħaġġel biex idaħħal l-emendi.
F’dan is-sens, il-Gvern qal biss li n-nies se jifdlilhom ċans jitkellmu sakemm l-emendi jkunu diskussi fil-Parlament bejn it-Tieni Qari u Qabel it-Tielet Qari.
//= $special ?>