Sport Waterpolo

San Ġiljan u Sirens fil-finali għar-rebħ tal-kampjonat tax-xitwa b’rebħiet missielta

Iż-żewġ timijiet jirbħu b'distakk ta' gowl f'logħbiet eċċitanti

NEPTUNES LEO VEGAS…….7

SAN ĠILJAN TUM INVEST…8

(3-3), (1-1), (2-2), (1-2)

San Ġiljan Tum Invest żammew it-tamiet tagħhom li jerġgħu jirbħu l-Kampjonat tax-xitwa wara li fid-derby tal-Balluta għelbu lil Neptunes Leo Vegas 8-7 biex se jaffrontaw lil Sirens fil-finali tal-5 ta’ Mejju.

Partita sabiħa, b’Neptunes joffru oppożizzjoni denja fejn kellu jkun gowl b’anqas minn minuta u nofs għat-tmiem, li ċaħħadhom minn tal-anqas ikomplu jilagħbu fil-ħin barrani.

L-ewwel parti tal-logħba kienet bilanċjata, b’Neptunes iżommu r-ritmu tal-avversarji. Il-Ġiljaniżi kienu marru tliet darbiet minn fuq, iżda daqstant waslet ir-risposta ta’ Neptunes li ġabu d-draw fit-tliet okkażjonijiet. Miguel Zammit poġġa lit-tim ta’ Popovic minn fuq, b’Ben Plumpton iġib id-draw.

It-tielet sessjoni żiedet fit-tensjoni, b’Miguel Zammit u Ben Plumpton jitkeċċew mir-referee Massimo Angileri. Sa dak il-ħin, Neptunes irnexxielhom jieħdu vantaġġ doppju minn Jordan Camilleri u Jeremy Abela.

Il-Ġiljaniżi baqgħu jemmnu u l-ewwel naqqsu d-distakk minn Andreas Galea, biex Peter Borg ġab id-draw 13-il sekonda minn tmiem it-tielet sessjoni. Camilleri reġa’ poġġa lil Neptunes fil-vantaġġ, iżda l-captain Matthew Zammit dawwar ir-riżultat, l-ewwel b’xutt b’saħħtu imbagħad mir-rebound. Lejn it-tmiem kien Jake Tanti li salva b’mod brillanti mill-viċin.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdgoan, G. Pace, M. Martellacci, S. Busuttil, N. Zammit, J. Camilleri (2), J. Abela (2), M. Zammit (1), J. Muscat, M. Azzopardi (1), F. Buhagiar

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (2), A. Galea (1), B. Grech, M. Zammit (2), B. Plumpton (1), C. Farrugia, T. Said, D. Zammit, P. Fava (1), D. Zammit (1), T. Micallef

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari

SLIEMA FRANK SALT……..6

SIRENS GREENTUBE………7

(0-2), (1-1), (3-0), (2-3), (0-0), (0-1)

Sirens Greentube saru l-ewwel tim finalist għar-rebħ tal-kampjonat wara li għelbu lil Sliema Frank Salt 7-6. Il-logħba kienet bilanċjata, tant li kellha tiġi deċiża fil-ħin barrani, bil-persistenza ta’ Sirens twassal għal rebħa importanti.

Bidu tajjeb minn Sirens li fetħu vantaġġ doppju minn Isaiah Riolo u Jacob Sciberras. Zach Mizzi naqqas id-distakk fit-tieni sessjoni, iżda Luke Caruana assigura li Sirens jidħlu jistrieħu żewġ gowls vantaġġ.

Madankollu dan il-vantaġġ intilef fl-ewwel nofs tat-tielet sessjoni, b’Michael Spiteri Staines u Kai Dowling iġibu d-draw. Sliema kienu superjuri u meritatament komplew ir-rimonta b’gowl mid-distanza ta’ Mizzi.

Sirens bdew jiġru wara r-riżultat u wara li Sciberras għamilhom 4-4, Sliema marru darbtejn minn fuq, iżda r-reżistenza ta’ Sirens wasslet biex wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet, bis-sitt gowl jasal ftit aktar minn minuta għal tmiem il-ħin regolamentari, biex il-logħba għaddiet għal ħin barrani.

Kien fit-tieni sessjoni tal-ħin barrani li Sirens skorjaw il-gowl deċiżiv b’xutt tajjeb ta’ Sciberras minn pożizzjoni angolata mix-xellug. Lejn it-tmiem, Nicholas Grixti salva r-riżultat meta salva tajjeb xutt ta’ Nicholas Bugelli.

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta, D. Fenech (1), M. Carani, M. Meli, K. Dowling (1), M. Spiteri Staines (1), J. Saliba, M. Cordina, Z. Galea Mule, Z. Mizzi (3), N. Bugelli, Z. Sciberras

Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory, E. Aquilina (1), J. Sciberras (3), M. Grech, I. Riolo (1), C. Mercieca (1), J. Ciantar, J. Brownrigg, C. Zammit, L. Caruana (1), Z. Bartolo, O. Gauci

Referees: Ronnie Spiteri, Peter Balzan