Rapport: Keane Cutajar
ŻEJTUN C………………… 0
TARXIEN R……………….1
Żejtun: D. Zarb, C. Giordimaina (G. Sultana 81’), D. Albanese, N. Tabone (R. Dalli 86’), Y. Camilleri, B. Farrugia, O. Elhussieny, A. Smeir (E. Vella 58’), A. Carabott, J. Sato, J. Castano
Tarxien: A. Cassar, S. Radovanovic, E. Baker, G. Aquilina, J. Brincat, A. Agius, L. Grech, A. Scicluna, S. Tounkara, R. Faria (W. De Oliveira Viera 90’), S. Cipriott (G. McKay 72’)
Imwissija: J. Castano 9’, A. Carabot 38’, E. Vella 66’, D. Albanese 89’, G. Sultana 90’ (Ż) G. Aquilina 78’, G. McKay 90’ (T)
Tkeċċew: G. Aquilina 78’ (T), E. Vella 84’ (Ż)
Skorja: J. Brincat 8’ (T)
Referee: Stefan Pace
Assistenti Referees: Edward Spiteri, Duncan Sultana
Referees Addizjonali: Philip Farrugia, Jude Amin Utulu
Attendenza: 1,871
Quddiem waħda mill-isbaħ atmosferi ta’ dan l-istaġun fi stadium mimli, assistejna għal partita movimentata u fuq tagħha b’Tarxien joħorġu minn fuq b’gowl kmieni li fisser li staġun ieħor jerġgħu jilagħbu fil-Kampjonat Premier.
Żejtun kienu oppożizzjoni denja ħafna u resqu viċin ħafna drabi iżda ma rnexxielhomx jinfdu lit-tim ta’ Jose Borg, biex b’hekk staġun ieħor jerġgħu jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni.
Wara tmien minuti, bl-ewwel azzjoni denja tagħhom, Tarxien marru minn fuq meta kien Sean Cipriott li qabad ballun minn nofs il-grawnd, għaddih lejn Samba Tounkara li bil-kalma kollha daħal viċin il-kaxxa qabel għadda lejn James BRINCAT fuq ix-xellug li minn pożizzjoni angolata kien tajjeb u xeħet fix-xibka.
Tliet minuti wara Żejtun irrispondew b’attakk veloċi mil-lemin bil-kross finali jasal għand Adrian Carabott li minn qagħda tajba b’xutt mill-ewwel xeħet barra.
Tarxien resqu viċin għat-tieni darba, l-ewwel fl-14-il minuta meta kienu mċaħda mill-ħarġa ta’ Dunstan Zarb u fis-16-il minuta wara li Brincat ġie waħdu quddiem l-istess gowlkiper ta’ Żejtun wara li kien żmarkat minn Ricardo Faria, fejn sab it-tentattiv bi bravura mdawwar f’korner mill-istess Zarb.
Il-lasta ċaħdet lir-Rainbows mit-tieni gowl fid-39 minuta wara li Brincat daħal tajjeb mil-lemin lejn il-kaxxa qabel krossja lejn Tounkara li bir-ras għeleb lil Zarb iżda mhux lill-wieqfa, bil-ballun imur f’goal kick. Il-captain tal-Corinthians kellu it-tentattiv tiegħu minn barra l-kaxxa jgħaddi kemm kemm barra fit-42 minuta.
Hekk kif qabżu s-siegħa logħob Żejtun kellhom l-aqwa ċans tagħhom tal-partita meta kien Clayton Giordimaina li xeħet lejn nofs il-kaxxa minn mal-linja tax-xellug bil-ballun jasal fuq it-tieni lasta għand Junky Sato li venven bid-dawra xutt li għadda bi żbrixx minn fuq il-wieqfa.
Żewġ minuti wara kien Johan Alberto Castano li ttanta xortih minn barra l-kaxxa iżda sab lil Andrea Cassar attent li niżel fil-baxx isalva.
Fil-65 minuta l-istess Castano resaq viċin b’daqqa ta’ ras li dehret destinata għal ġewwa iżda b’rifless stupend Cassar iġġebbed, salva u ċaħdu milli jġib id-draw.
Fl-aħħar minuti Żejtun tefgħu kollox fuq l-attakk iżda sabu quddiemhom difiża kompatta u anke inqabdu fuq il-kontrattakk li minnu Tarxien kienu għoddhom skorjaw it-tieni gowl permezz ta’ Tounkara, gowl li iżda kien imħassar fuq senjalazzjoni ta’ offside, azzjoni li Tarxien minnha setgħu għamlu aħjar għaliex kienu erbgħa kontra wieħed.
//= $special ?>