L-eks kowċ tat-tim nazzjonali Malti, Tom Saintfiet, li tkeċċa fl-aħħar jiem seba’ xhur biss wara li ffirma kuntratt ta’ sentejn, ħabbar li għadda l-każ għand l-avukat tiegħu biex jieħu passi legali.
Fi stqarrija fuq Facebook, Saintfiet iddikjara mill-ġdid li hu qatt ma applika jew ta struzzjonijiet lil xi persuna oħra biex tapplika f’ismu għall-pożizzjoni ta’ kowċ tal-Kamerun waqt li kien taħt kuntratt mat-tim nazzjonali Malti.
Kollox beda wara li fil-midja ħarġet lista ta’ 77 kowċ li skont il-Federazzjoni tal-Kamerun applikaw biex imexxu lit-tim nazzjonali tal-Kamerun wara li ġie fi tmiemu l-kuntratt tal-kowċ Hugo Broos.
Filwaqt li Saintfiet iddikjara li hu vittma ta’ fake news, il-lista kienet konfermata mill-kelliem tal-Federazzjoni tal-Futbol tal-Kamerun, Simon Lyonga.
Madankollu Saintfiet jiċħad kategorikament li applika għal din il-pożizzjoni, bil-kap tal-kumitat li jrid jagħżel il-kowċ il-ġdid tal-Kamerun, Djomo Kelvin, jiddikjara li l-lista se tiġi analizzata sew hekk kif “hemm dokumenti li ġew depożitati mill-aġenti mingħajr konoxxenza tal-coach stess.”
//= $special ?>