Internazzjonali

Iċ-ċkejken Alfie jitlef il-ġlieda mal-mewt; jitkellmu l-ġenituri tiegħu

It-tarbija ta' 23 xahar li kienet f'kontroversja legali bejn l-isptar u l-ġenituri, tilef ħajtu ġimgħa wara s-sentenza tal-Qorti

Alfie, it-tifel Ingliż ta’ 23 xahar li twieled b’kundizzjoni serja f’moħħu, miet għall-ħabta tas-2.30 ta’ filgħodu.

It-telfa tiegħu tħabbret minn missieru Thomas Evans fuq Facebook, fejn kiteb: “Il-gladjatur tiegħi neħħa t-tarka tiegħu, u rabba l-ġwienaħ.. qalbi maqsuma”.

Il-każ ta’ Alfie ġibed l-attenzjoni wara li l-ġenituri tiegħu tilfu battalja legali quddiem il-Qorti Superjuri fl-Ingilterra, fejn l-isptar tħalla jneħħi l-apparat respiratorju tat-tifel. Il-media mal-ewwel segwiet il-każ tiegħu, fejn kien hemm ġlieda kontinwa bejn it-tobba u l-ġenituri dwar is-saħħa tat-tifel. Kważi ġimgħa wara li tneħħa dan il-makkinarju li bis-saħħa tiegħu kien qed jgħix, Alfie miet.

Alfie twieled f’Liverpool f’Mejju tal-2016, u l-ewwel kien ġie rikoverat fl-isptar Alger Hey Children’s Hospital f’Liverpool. F’Diċembru sofra numru ta’ puplesiji, u minn hemmhekk baqa’ rikoverat dejjem fl-isptar imsemmi.