Stewart Said
BIRKIRKARA………1
SLIEMA W……………1
(Birkirkara jirbħu 3-2 wara l-għoti tal-penalties)
Birkirkara rritornaw fil-finali tal-Boost FA Trophy wara li għelbu lil Sliema Wanderers 4-3 permezz tal-għoti tal-penalties. B’dan ir-riżultat, Birkirkara aċċertaw posthom fil-UEFA Europa League staġun ieħor.
Partita bilanċjata biż-żewġ timijiet ikollhom il-mumenti tagħhom, b’Sliema jibdew tajjeb il-logħba filwaqt li Birkirkara kienu aħjar fil-bidu tat-tieni taqsima. Fost l-oħrajn, spikka l-attakkant ta’ Sliema Frank Temile li kien theddida kontinwa għad-difiża Karkariża.
Bidu tajjeb minn Sliema li ħarġu aktar aggressivi mill-avversarji b’għadd ta’ okkażjonijiet li fihom setgħu fetħu l-iskor. L-ewwel kien Frank Temile li minn korner, impenja lil Kristjan Naumovski b’daqqa fuq it-tieni lasta, iżda l-gowlkiper avversarju dawwar f’korner b’mod stupend.
Birkirkara wieġbu żewġ minuti wara b’Acosta jniżżel tajjeb lejn Jake Grech iżda x-xutt tiegħu minn qagħda ideali għadda għoli. Sliema b’okkażjoni oħra fit-12-il minuta b’Jefferson se Assis deher li għeleb in-nasba tal-offside, daħal fil-kaxxa iżda x-xutt fil-baxx kien imdawwar f’korner.
Minuta wara ċans tad-deheb għal Sliema, b’Ricardo Correa mil-lemin lura għan-nofs lejn Edmond Agius iżda minn qagħda ideali x-xutt imkaxkar tiegħu kien imdawwar f’korner minn Naumovski. Għal kumplament tat-taqsima, Sliema kienu tattikament aħjar minn Birkirkara iżda l-logħba żvolġiet aktar f’nofs il-grawnd.
Birkirkara ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u fetħu l-iskor fid-49 minuta. Edward Herrera krossja tajjeb mil-lemin lejn Ognjen ROLOVIC li daħal tajjeb u għeleb lil Glenn Zammit b’xutt mill-ewwel. Tmien minuti wara, Waldemar Acosta prova jaħsad lil Zammit b’xutt mid-distanza, iżda l-gowlkiper Slimiż kien attent u salva fuq il-linja.
Kontra x-xejra tal-logħob, Sliema ġabu d-draw fit-62 minuta. Mid-difiża, Notney tefa’ ballun mal-linja xellugija, il-ballun imbaram u spiċċa biex Frank TEMILE qabeż lil Lucas Maia, avvanza u qabbeż fuq Naumovski.
Iż-żewġ timijiet bdew jikkanċellaw lil xulxin fil-logħob, b’Sliema joperaw aktar bil-kontrattakk. Fit-82 minuta Jake Grech għal ftit ma ħasadx lil Glenn Zammit bi free-kick mix-xellug, iżda l-gowlkiper kien attent u dawwar f’korner.
Il-logħba kellha tkompli fil-ħin barrani, biż-żewġ timijiet ikollhom azzjoni perikoluża fl-ewwel taqsima. Fil-bidu kien Ricardo Correa li b’xutt djagonali fil-baxx ra l-ballun jgħaddi ftit barra. L-Istripes resqu eqreb eżatt qabel tmiem it-taqsima, bi free-kick tas-sostitut Srdan Dimitrov li stampa mal-mimduda.
Fl-għoti tal-penalties, Mark Scerri falla għal Sliema iżda Edward Herrera falla għal Birkirkara. Edmond Agius spara għoli filwaqt li Srdan Dimitrov skorja l-ewwel gowl għal Birkirkara.
Sliema fallew it-tielet penalty wara li x-xutt ta’ Matias Muchardi kien salvat b’mod brillanti minn Naumovski, b’Waldemar Acosta jiskorja t-tieni penalty għal Birkirkara.
Frank Temile skorja l-ewwel penalty filwaqt li Glenn Zammit salva x-xutt ta’ Ryan Scicluna. Michele Sansone ħalla lis-Slimiżi jittamaw, iżda Mislav Andelkovic skorja l-penalty deċiżiv.
//= $special ?>