Vaska bl-ilma qiegħed, fi ġnien abbandunat li jagħmel parti mid-dar tal-anzjani tal-Imsida qed toħloq inkonvenjent lin-numru ta’ residenti fi blokka ta’ appartamenti fl-Imsida.
Net News mar fuq il-post u tkellem ma’ numru ta’ residenti fiz-zona hekk kif dawn ta’ kuljum qed iħabbtu ma wiċċhom il-problema ta’ numru ta’ nemus, fejn uħud iddeskrivewhom kbar daqs il-friefet. Ħafna qalu li ħabba f’hekk ma jistgħux jiftħu t-twieqi tad-djar tagħhom.
Oħra qaltilna li għandha t-tfal u ma tkunx tista’ anki tħallihom barra fis-setaħ biex jilgħabu għax x’ħin joħorġu jittieklu min-nemus.
Ma’ dan, l-istat tal-ġnien, kif inhu huwa fl-abbandun, u fih hemm numru ta’ boroz ta’ skart li qed jattiraw il-firien u l-ġrieden. Dan qed ikompli jżid mal-problemi.
Ir-residenti qalulna li l-ilma qiegħed kif jaf kulħadd jaf iġib numru ta’ mard, u biex tkompli żżid mal-problema issa qed ikun hemm il-ġrieden.
Huma qalulna li kieku l-awtoritajiet konċernati jagħtu każ dan il-ġnien, dan ikun jista’ jitgawda mill-anzjani li qegħdin fid-dar tal-anzjani u b’hekk ukoll il-problemi kollha li l-abbandun qed iġib miegħu jiġu solvuti.
Dan huwa l-appell tar-residenti, li jittieħdu l-azzjonijiet xierqa biex huma jkunu jistgħu jgħixu kif hu xieraq.