Lokali

“Jason Micallef u Mario Philip Azzopardi qed jiksru l-valuri Ewropej”

Tissokta l-kritika ħarxa lejn pajjiżna .

Il-kummenti fuq il-midja soċjali taċ-Chairman tal-V18 Jason Micallef qed imorru kontra l-valuri tal-Unjoni Ewropea. Dan qalu Manfred Gaulhofer, membru tal-ġurija li għażel lill-Belt Valletta tkun il-Belt Kulturali Ewropea, meta fl-istess waqt saqsa biex l-Unjoni Ewropea tassigura biex dawn l-istess valuri ma jinkisrux fix-xogħol tal-Valletta 2018.

Gaulhofer ġie mistieden biex jgħaddi kumment b’referenza għall-kummenti li qal Jason Micallef dwar il-ġurnalista li ġiet maqtula, Daphne Caruana Galizia.

Jason Micallef u Mario Philip Azzopardi kissru artiklu numru tnejn tat-trattat tal-Unjoni Ewropea

F’kummenti li ta lil The Times of Malta, hu qal li Micallef u d-direttur artistiku, Mario Philip Azzopardi kissru artiklu numru tnejn tat-trattat tal-Unjoni Ewropea, l-istess artiklu li jgħid li l-Unjoni hija mwaqqfa fuq ir-rispett tad-dinjita umana, il-libertà u d-dritt.

Mario Philip Azzopardi

L-istess rapport jgħid li Azzopardi għajjar lil Martina Urso b’mod dispreġjativ meta din ipprotestat f’Londra kontra l-programm tal-bejgħ tal-passaporti. Gaulhofer qal li kliem bħal dan m’għandu qatt jingħad u li qed ipoġġi l-valuri bażiċi tal-Unjoni fil-periklu. Huwa qal li dan ġa nkisser b’kummenti dispreġjativi kontra Daphne Caruana Galizia, iżda kompla jigrava b’kummenti hekk anki lejn Urso.

Intant l-eks chairperson tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura, Steve Green ikkritika bl-aħrax it-tmexxija tal-V18, u qal li hu se jagħmel boycott wara l-kummenti li għadda Jason Micallef.

Fuq dan il-kumment, Joseph Muscat, Owen Bonnici u Deo Debattista taw l-appoġġ tagħhom lejn il-kummenti ta’ Jason Micallef.

Green qal li għalkemm dawn qed jiddefendu lil Micallef dawn mhux jiddefendu r-rispett u d-dinjità li għandu jsegwi pajjiż Ewropew.