Lokali

Kriminalita’ matul l-2017: Żieda fil-pickpocketing, serq mill-bajjiet u frodi

Ritratt mill-Arkivji

Il-Pickpocketing hu fost l-iktar reati li qed jiżdied f’Malta. Tant hu hekk, li l-pickpocketing ikkontribwixxa biex dan it-tip ta’ serq ikun l-uniku wieħed fejn Malta taqbeż il-medja fl-Unjoni Ewropea.

Dan ħareġ minn studju dwar ir-reati li kienu rrappurtati fil-Gżejjer Maltin matul is-sena li għaddiet u li kien miġbur mill-kriminologu, il-Professur Saviour Formosa.

Reati serji oħra, bħal qtil, reati marbuta mad-droga, aggressjoni u reati ta’ natura sesswali huma inqas mill-media Ewropea tul l-2017.

Minbarra l-pickpocketing, reat ieħor li ra żieda qawwija fl-aħħar sena kien is-serq mill-bajjiet li ra żieda ta’ 31% fuq l-2016.

Reat ieħor kien dak ta’ frodi li kellu żieda ta’ 57%.

Min-naħa l-oħra, fuq bażi reġjonali, il-kriminalita’ rapportata f’Paceville niżlet minn 20% tal-kriminalita’ fil-pajjiż għal ftit iktar minn 10%.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ reati ta’ vjolenza, fil-maġġoranza kbira tal-każi, dawn ikun reati ta’ natura personali fejn l-aggressur u l-vittma jkunu jafu lil xulxin.

Il-Professur Formosa qal li każi ta’ vjolenza domestika juru differenzi skont in-natura tagħhom. L-iktar każi ta’ vjolenza domestika fiżika kienu rappurtati minn Bormla u l-Kottonera filwaqt li vjolenza domestika ta’ natura psikoloġika kienet rappurtata f’zoni oħrajn.

L-istħarriġ tal-Professur Formosa juri li postijiet bħall-Furjana, il-Marsa u Raħal Ġdid, fejn hemm konċentrazzjoni kbira ta’ vetturi, huma l-iktar postijiet fejn kienu rappurtati serq ta’ jew minn vetturi.

Il-Professur Formosa madanakollu wissa’ li l-istħarriġ jista’ joħroġ ċertu anomaliji bħar-raħal żgħir tal-Għasri li ħareġ bħala l-iktar lokalita’ fejn saru rapporti ta’ reati domestiċi. L-ispjegazzjoni warajha kienet li kien hemm familja li kienet għaddejja minn separazzjoni imqanqla bil-koppja jagħmlu għexieren ta’ rapporti kontra xulxin fuq l-istess allegat reat.

Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia qal li dan l-istudju hu wieħed ta’ interess u utilita’ kbira għaliex hu għodda li tgħin lill-pulizija tindirizza aħjar ir-riżorsi tagħha u saħansitra twassal għal prevenzjoni ta’ iktar reati.

Dwar il-pickpocketing u r-reati fil-bajjiet, il-Ministru Farrugia qal li se tibda kampanja ta’ edukazzjoni sabiex il-pubbliku jesponi ruħu mill-inqas għal dawn it-tip ta’ reati.

Wieħed jista’ jara l-istudju kollu fuq is-sit crimemalta.com