Juventus kisbu rebħa drammatika ta’ 3-2 barra minn darhom kontra r-rivali Inter, li lagħbu għal 75 minuta b10 plejers, biex għamlu pass ieħor lejn ir-rebħ tal-kampjonat.
Dan hekk kif issa fadal tliet partiti għal tmiem il-kampjonat u qegħdin b’erba’ punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Napoli li għadhom iridu jilagħbu barra minn darhom kontra Fiorentina.
Il-partita f’San Siro kienet waħda mimlija kontroversja. Fl-14-il minuta Juventus fetħu l-iskor b’gowl ta’ Douglas COSTA li sab ix-xibka mill-viċin.
Kollox kompla ġej ħażin għal Inter li spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta tkeċċa Vecina għal fawl ikrah fuq Mandzukic. Ir-referee oriġinarjament kien urih il-karta safra imma wara li nġibditlu l-attenzjoni permezz tal-VAR wera l-karta ħamra lill-plejer.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima Juventus kellhom gowl ta’ Matuidi mħassar għal offside u kien fit-52 minuta meta Inter ġabu d-draw. Minn azzjoni ta’ free kick mogħti minn Cancelo, ICARDI għola tajjeb u bir-ras għeleb lil Buffon.
Inter, minkejja bi plejer inqas, komplew jattakkaw u fis-66 minuta marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta Perisic qabeż avversarju tefa’ cross u Barzagli, li mar jikklirja, tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess.
Żewġ minuti mit-tmiem Juventus ġabu d-draw meta CUADRDAO għeleb lil Handanovic b’xutt minn pożizzjoni angolata u minuta wara kien HIGUAIN li skurja l-gowl deċiżiv li ta t-tliet punti lil Juventus. L-attakkant Arġentin sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras wara li rċieva cross minn free kick ta’ Dybala.
Il-partita fi Stadio Giuseppe Meazza rat folla ta’ aktar minn 78,000 spettatur, bi dħul ta’ aktar minn €5 miljuni li hu rekord għall-futbol Taljan.
B’din it-telfa, Inter mhux biss naqqsu milli jagħtu gambetta lir-rivali imma anke ħadu daqqa ta’ ħarta fit-tamiet tagħhom li jispiċċaw ir-raba’.
//= $special ?>