Futbol Sport

Barcelona jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat Spanjol

Il-plejers ta' Barcelona jiċċelebraw wara l-partita (Ritratt: EPA)

Tripletta ta’ Lionel Messi assigurat ir-rebħ tal-25 kampjonat fl-istorja ta’ Barcelona, b’rebħa ta’ 4-2 fuq Deportivo La Coruna. Minkejja li ħadu vantaġġ doppju permezz ta’ Philippe Coutinho u Messi, Lucas Perez naqqas id-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Emre Colak ġab id-draw f’nofs it-tieni taqsima, iżda doppjetta ta’ Messi lejn it-tmien għalaq il-logħba. Minbarra l-ferħ ta’ Barcelona, din it-telfa fissret li t-tim ta’ Clarence Seedorf spiċċa relegat.

Coutinho fetaħ l-iskor wara seba’ minuta b’xutt mibrum. Minkejja numru ta’ okkażjonijiet għal Deportivo, Barcelona rduppjaw fit-38 minuta b’gowl ieħor sabiħ. Luis Suarez irċieva ballun fil-kaxxa u stenna lil Messi jasal fuq ix-xellug qabel ma’ qabbeż il-ballun fid-direzzjoni biex Messi skorja t-30 gowl tiegħu fil-kampjonat.

Żewġ minuti wara, Deportivo naqqsu d-distakk minn Lucas Perez li skorja b’xutt fil-baxx minkejja li kien issikkat minn Jordi Alba. It-tim ta’ Seedorf ġab id-draw fl-64 minuta f’azzjoni maħduma tajba b’diversi passaġġi fil-baxx, b’Colak ikun żmarkat u jegħleb lil ter Stegena minn qagħda ideali.

Lionel Messi reġa’ poġġa lil Barcelona minn fuq fit-82 minuta meta ħabat il-ballun fil-kaxxa ma’ Suarez, qata’ lid-difiża avversarja u skorja mill-viċin. L-Arġentin għalaq il-logħba meta rċieva għal darba oħra mingħand Suarez u għeleb lil Ruben b’xutt fil-baxx.