Lokali

FILMAT: Eluf jinġabru fil-Belt Valletta f’għajta waħda għall-ġustizzja u l-verità

Messaġġ wieħed ta’ kuraġġ, determinazzjoni u tama favur is-sewwa hekk kif sitt xhur midu ġiet assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia saret manifestazzjoni nazzjonali minn Occupy Justice b’talba għall-Ġustizzja u Verità.

Fost il-kelliema, il-membru Parlamentari David Casa li rrikonoxxa l-fatt li qabel il-qtil tal-ġurnalista konna nieħduha ovja li l-verità u l-ġustizzja dejjem jirbħu.

Casa żied jgħid li minflok wieħed isib il-protezzjoni kollha li ċittadin għandu jkollu, wieħed qas biss qed iħossu sikur f’pajjiżu stess. Wiegħed li l-ġlieda għall-verità se tkompli fil-parlament, fil-Kummissjoni Ewropeja, u fil-Kunsill Ewropew.

Emma Portelli Bencini tkellmet dwar kif, sitt xhur wara l-assassinju, il-poplu Malti reġa’ nġabar għal manifestazzjoni.

Hi kkritikat lill-Prim Ministru u niesu li qed japprofittaw ruħhom biex jieħdu flus li mhux tagħhom; flus il-poplu Malti. Emma tfakkar li kulħadd qiegħed jgħaddi appell għall-bidla; dik ta’ kulħadd jiġi rispettat.

Maria Efimova, l-whistleblower li għax kixfet dak li kien għaddej fil-bank Pilatus kellha taħrab minn pajjina, esprimiet tama li l-verità tirbaħ waqt li faħħret il-kuraġġ tal-poplu Malti li qed jiddefendi lil pajjiżu.

Tkellem ukoll Alexander Hili, il-fundatur ta’ Malta Ġdida flimkien ma’ grupp żgħażagħ oħra li qal li qed iħarsu lejn dawk li jmexxu; tmexxija b’korruzzjoni.

Qal ż-żgħażagħ li ma jridux li jkunu parti minn Malta giddieba u ħeġġeġ biex ma nibqgħux siekta quddiem dan kollu. B’għajta waħda ddikjara hekk

Rachel Williams li tifforma parti minn Occupy Justice qalet li xejn u ħadd mhu se jwaqqafhom milli jsemmgħu leħinhom. B’ċertezza, hi qalet li se nsiru nafu l-verità hekk kif Malta mhix biss tal-Prim Ministru u n-nies ta’ madwaru, iżda tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Rachel qalet li l-ġlieda għall-ġustizzja mhi se tieqaf qatt sabiex ikolna governanza nadifa. Żiedet tgħid li l-affarijiet mhux se jibqgħu mexjin normali sakemm tinqered il-korruzzjoni.

In-nies kienu ndirizzati wkoll minn Godfrey Farrugia li ddikjara li kullħadd f’pajjiżna qed jgħaraf illi wasal il-ħin tal-bidla. Fil-pajjiż hawn sens ta’ realizzazzjoni illi qed tiġri xi ħaġa ġdida li qatt ma rajna bħala.

Il-Partit Nazzjonalista laqa’ l-istedina tal-organizzaturi ta’ din il-manifestazzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat minn numru ta’ Membri Parlamentari u uffiċjali Nazzjonalisti.

Iktar kmieni, waqt intervista fuq Radio 101, Adrian Delia ddikjara li l-preżenza tiegħu hi turija ta’ appoġġ lejn il-poplu kontra l-korruzzjoni, lejn nies li ma jridux aktar Gvern korrott li jaħseb li se jibqa’ għaddej romblu.

Ritratti: Joseph Galea & Wayne Bonello