Għall-korruzzjoni jispiċċaw iħallsu l-ħaddiema u l-familji. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’kollegament telefoniku fuq Radio 101.
Delia staqsa dwar min għamel profitt ta’ $40 miljun bid-deal ħażin li l-Gvern iffirma għall-gass LNG għall-power station f’Delimara. The Guardian ippubblikat storja li l-kumpanija tal-gass tal-Ażerbajġan SOCAR għamlet profitt ta’ $40 miljun f’sena waħda biss mill-bejgħ tal-gass LNG lill-Enemalta. Adrian Delia qal li l-Gvern irid jispjega fejn marru dawn il-miljuni u għandu wkoll jgħid kif se jitħallsu lura dawn il-flus, li ttieħdu mingħand il-familji Maltin u Għawdxin li ġew mwegħda mill-Gvern li l-kontijiet kellhom jorħsu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ta’ Joseph Muscat qed juża l-festa tal-1 ta’ Mejju sabiex juri s-saħħa u biex jagħlaq ħalq in-nies li jridu jitkellmu minflok jara x’inhuma l-bżonnijiet tal-ħaddiema, fil-Jum iddedikat lilhom. Dan meta hawn ħaddiema li qed ibatu, oħrajn li mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar u ħaddiema oħra li qed ikollhom jaħdmu ħafna sigħat biex ikunu jistgħu jgħixu. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed u se jibqa’ jiltaqa, jisma’ u jitkellem mal-ħaddiema.
Adrian Delia tkellem fuq il-ħaddiema u ż-żgħażagħ u qal li l-Gvern m’għandux pjan fit-tul fejn irid iwassal il-pajjiż. Huwa qal li meta qed ikollna 10,000 ħaddiem barrani f’Malta kull sena, jeħtieġ li jkollna pjan fit-tul sabiex ikollna infrastruttura li tkun adegwata. Dr Delia qal filwaqt li taħt Gvern Laburista, in-numru taż-żgħażagħ li ma jkomplux jistudjaw huwa wieħed għoli, l-Partit Nazzjonalista qed jippjana li l-akbar investiment ikun fuq iż-żgħażagħ biex jerġgħu iħossuhom akkaniti li jitgħallm u biex ibiddlu l-wiċċ ta’ pajjiżna. Dan biex iħossuhom parti mill-ħolma li l-Partit Nazzjonalista għandu għal Malta.
//= $special ?>