Lewis Hamilton kiseb l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li rebaħ il-Grand Prix tal-Ażerbajġan f’tiġrija mimlija emozzjonijiet. Sebastian Vettel tal-Ferrari deher fi triqtu lejn it-tielet rebħa tal-istaġun, iżda wara li ż-żewġ sewwieqa tar-Red Bull Daniel Ricciardo u Max Verstappen ħabtu ma’ xulxin, daħlet is-Safety Car u nbidel kollox.
Valtteri Bottas għamel l-uniku waqfa għal Mercedes u ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni. Vettel prova jaqbeż lill-Finlandiż meta reġgħet bdiet it-tiġrija iżda żamm il-brejk tard u spiċċa niżel mill-ewwel tliet postijiet.
Iżda dawra wara, Bottas ukoll insteraq mir-rebħa meta spiċċa b’puncture wara li għadda fuq id-debris, b’Hamilton jispiċċa fil-quċċata li rebaħ qabel Kimi Raikkonen u jinsab fil-quċċata tal-klassifika, b’Sergio Perez tal-Force India jispiċċa b’podju mhux mistenni.
L-emozzjonijiet bdew fil-bidu tat-tiġrija, b’Esteban Ocon tal-Force India u Sergey Sirotkin tal-Williams jispiċċaw barra. Ocon daħal fil-ħajt wara kuntatt ma’ Raikkonen, filwaqt li Sirotkin daħal fuq wara tal-karozza ta’ Perez qabel ma spiċċa bejn Fernando Alonso u Nico Hulkenberg.
Alonso daħal fil-pits b’żewġ punctures. Is-Safety Car daħlet fiċ-ċirkwit u daħlet fil-ħames dawra. Vettel kien fil-kontroll qabel Bottas u Hamilton.
Verstappen u Sainz kienu f’taqtigħa għar-raba’ post. Sieħbu tar-Renault Nico Hulkenberg qabeż lit-tieni karozza tar-Red Bull Daniel Ricciardo f’dik li kienet qed tidher tiġrija tajba għal Renault. Iżda fit-12-il dawra, Hulkenberg spiċċa barra wara li ħabat mal-ħajt għat-tieni sena konsekuttiva.
Il-vantaġġ ta’ Vettel fuq Hamilton kien ta’ tliet sekondi. Iż-żewġ sewwieqa tar-Red Bull kienu qed jissieltu għal ħames post. L-ewwel kuntatt seħħ fl-14-il dawra, bit-tnejn ma jċedu l-ebda pulzier u f’xi okkażjonijiet kienu viċin li joħorġu barra miċ-ċirkwit.
Vettel kien l-ewwel wieħed li daħal għal waqfa u ħareġ fit-tielet post qabel Verstappen. Hu reġa’ daħal seba’ dawriet wara, bil-Mercedes iħallu lil Bottas barra kemm jista’ jkun possibbli. Ricciardo u Verstappen spiċċaw barra fl-ewwel kantuniera fid-39 dawra, bl-Awstraljan jidħol fuq wara ta’ Verstappen.
Mal-ħruġ tas-Safety Car, il-Mercedes ħadu vantaġġ biex daħlu lil Bottas għall-ewwel waqfa tiegħu, u Hamilton daħal għat-tyres ultrasoft. Ferrari għamlu l-istess strateġija b’Vettel, biex Bottas kien jinsab fuq quddiem.
Iżda sakemm hemm is-Safety Car barra, Romain Grosjean ħabat fl-għan li jżomm it-tyres sħan. It-tiġrija tkompliet b’erba’ dawriet għat-tmiem u l-affarijiet komplew jiġu ħżiena għal Ferrari. Vettel prova jmur fuq quddiem fl-ewwel kantuniera, iżda spiċċa biex tilef postu għal Hamilton u Raikkonen.
Kien għad fadal aktar mument emozzjonanti, b’Valtteri Bottas isofri puncture biex ta ċ-ċans lil Hamilton jikseb l-ewwel rebħa.
Kif Spiċċaw
1. Lewis Hamilton 1:43:44.291
2. Kimi Räikkönen +2.460s
3. Sergio Perez +4.024s
4. Sebastian Vettel +5.329s
5. Carlos Sainz +7.515s
6. Charles Leclerc +9.158s
7. Fernando Alonso +10.931s
8. Lance Stroll +12.546s
9. Stoffel Vandoorne +14.152s
10. Brendon Hartley +18.030s
11. Marcus Ericsson +18.512s
12. Pierre Gasly +24.720s
13. Kevin Magnussen +40.663s
Ma kklassifikawx: Valtteri Bottas, Romain Grosjean, Max Verstappen, Daniel Ricciardo, Nico Hulkenberg, Esteban Ocon, Sergey Sirotkin
//= $special ?>