Għalkemm fl-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed iħares lejn pjan fit-tul għax irid jaħseb fil-futur ta’ wliedna. Pjan fit-tul għax għaxra jew għoxrin sena se jiġu bħal leqqa ta’ berqa fuq uliedna, u l-Partit Nazzjonalista jrid jara li kull wieħed u waħda mit-tfal Maltin u Għawdxin jirnexxu.
Hekk fisser is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, f’intervista ma’ il-mument dwar il-viżjoni tal-Partit għall-ħaddiema, jumejn qabel il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, li tfakkar kif ix-xogħol hu l-identità ta’ kull persuna.
Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jisma’ l-aspirazzjonijiet u l-isfidi tal-ħaddiema ħalli minn hemm titfassal il-politika. Dan hekk kif għall-Partit Nazzjonalista, Jum il-Ħaddiem mhux jum partiġġjan, iżda rikonoxximent lill-ħaddiem għas-sehem pożittiv tiegħu fl-ekonomija Maltija.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-pożizzjoni toħroġ id-distinzjoni ta’ kif iż-żewġ partiti politiċi f’pajjiżna jħarsu lejn il-ħaddiem. Għax filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jippjana fit-tul, il-Partit Laburista jagħżel biss li jniżżel lin-nies fil-pjazza għall-attività tal-massa.
Iżda Clyde Puli jsostni li ebda folla preżenti għall-attività politika indirizzata minn Joseph Muscat mhi se tħassar il-korruzzjoni li hu mifni biha l-Gvern Laburista. Staqsa jekk fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru hux se jkun qed iwieġeb għall-mistoqsijiet li għadu qed jagħmillu kulħadd, u li għadhom mhux imwieġba. Dan għaliex b’hekk biss il-poplu jkun jista’ jserraħ rasu li Muscat għandu s-sitwazzjoni taħt kontroll.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jemmen, kif se jagħmel nhar it-Tlieta li ġej, li fl-1 ta’ Mejju m’għandux ikun hemm xi attività li taljena lin-nies, iżda djalogu ma’ esperti indipendenti u professjonisti dwar fejn irridu lil pajjiżna jmur. Hu nnota l-importanza li dan is-settur daqstant importanti għall-ekonomija tal-pajjiż, qed jingħata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit irid jibqa’ jippreżenta l-politika tal-bżonnijiet tan-nies billi fost l-oħrajn, fil-lista tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni, ingħatat importanza wkoll lill-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21. Dan għax il-Partit Nazzjonalista hu konxju mill-isfidi li pajjiżna qed isib quddiemu, anke bl-ammont qawwi ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu f’Malta biex jaħdmu.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif niċeċ li kienu introdotti minn gvernijiet Nazzjonalisti wasslu biex eluf ta’ persuni llum għadhom qed igawdu minn pagi u kundizzjonijiet li jixirqu lil pajjiżna, kif ukoll xogħol għall-istudenti tagħna. Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-Gvern Laburista, li s’issa baqa’ ma ħoloq ebda niċċa ġdida ta’ xogħol għax m’għandu ebda pjan.
Id-Deputat Nazzjonlista Clyde Puli temm jispjega li t-tkabbir ekonomiku waħdu mhux biżżejjed, jekk ma jkollniex distribuzzjoni tal-ġid b’mod ippjanat. In-nuqqas ta’ pjan mill-Gvern ta’ Muscat qed ikompli jżid id-diffikultajiet lil uliedna biex isibu x-xogħol bil-paga li tixirqilhom. U hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid jiddjaloga ma’ dawk kollha involuti, ladarba l-Partit irid jitgħallem mingħand il-ħaddiem u anke mill-espert.
//= $special ?>