Fil-Korp tal-ġudikatura, partikularment fl-ogħla faxxa – dik tal-Imħallfin – hemm diżappunt għall-fatt li filwaqt li qiegħed ikompli jiżdied b’mod qawwi x-xogħol fost l-Imħallfin, ftit li xejn jidher li hemm rieda fil-Gvern li jtaffi dan il-piż.
Jekk il-kumpliment tal-ġudikatura hu suppost li jkun ta’ 24 persuna, bil-ħatra tal-Prim Imħallef Joseph Azzopardi f’nofs din il-ġimgħa, l-għadd ta’ Mħallfin li qed iservu issa niżel għal 19.
Dawn qiegħed ikollhom iservu f’diversi stanzi iżda fil-verità qiegħed ikollhom jassumu xogħol (kawżi) ta’ kollegi tagħhom.
Ix-xogħol għall-Imħallfin mistenni li jkompli jiżdied fil-futur qrib ukoll meta l-Qorti ta’ Għawdex tibda tassumi wkoll ir-rwol ta’ Prim Awla tal-Qorti Ċivili u Superjuri u allura biex tiffunzjona jkun meħtieġ li jkollha s-servizzi ta’ Mħallef.
Fil-futur qrib – fis-sena u nofs li ġejja – sadattant mistennija li jirtiraw ukoll aktar Imħallfin… fosthom Antonio Mizzi f’Novembru li ġej, Silvio Meli f’April tas-sena d-dieħla, u Noel Cuschieri fi tmiem is-sena d-dieħla. Dan wara li matul l-aħħar xhur diġà rtiraw numru ta’ Mħallfin oħrajn.
Nies qrib il-ġudikatura li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument, fissrulna li s-sitwazzjoni fost l-Imħallfin qed issir waħda mhux aktar tollerabbli minħabba l-volum dejjem jiżdied tax-xogħol.
Eżempju klassiku hu l-Kriminal fejn hemm il-Qorti Kriminali, l-Appell Inferjuri u l-Appell Superjuri. Dawn kienu servuti minn erba’ Mħallfin – David Scicluna, li rtira ftit tax-xhur ilu; Edwina Grima; Antonio Mizzi u Giovanni Grixti.
Jirriżulta li Edwina Grima issa qed tagħmel ix-xogħol tal-Qorti tal-Appell Superjuri filwaqt li l-Imħallfin Antonio Mizzi u Giovanni Grixti qed jippruvaw ilaħħqu max-xogħol kollu fil-Qorti Kriminali u fil-Qorti tal-Appell Inferjuri.
Tajjeb li jkun spjegat li quddiem il-Qorti Kriminali u Qorti tal-Appell Inferjuri jmorru l-kawżi kollha mingħand il-Maġistrati, filwaqt li quddiem il-Qorti tal-Appell Superjuri jmorru l-appelli minn ġurijiet.
Awtomatikament dan in-nuqqas ta’ Mħallfin qed iwassal għal dewmien fil-qtugħ tal-kawżi, b’nies ibatu dan id-dewmien u dan kollu għaliex il-Gvern – il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici – qiegħed ikaxkar saqajh milli jkun effiċjenti u jindirizza din il-problema tan-nuqqas ta’ Mħallfin.
Il-problema tan-nuqqas ta’ Mħallfin tinħass ukoll fiċ-Ċivil fejn hemm ukoll is-Sezzjoni tal-Familja u s-Sezzjoni tal-Kummerċ. Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili hemm iservu l-Imħallfin Jacqueline Padovani Grima, Toni Abela, Joe Micallef, Anna Felice, Silvio Meli, Lorraine Schembri Orland, Wenzu Mintoff u Miriam Hayman.
Sadattant fis-Sezzjoni tal-Familja hemm iservu żewġ Imħallfin biss: Abigail Lofaro u Robert Mangion, u fis-Sezzjoni tal-Kummerċ hemm l-Imħallfin Joe Zammit McKeon u Mark Chetcuti.
Sadattant fil-Qorti tal-Appell Inferjuri (fiċ-Ċivil) hemm iservu l-Imħallfin Anthony Ellul u Mark Chetcuti u fil-Qorti Appell Superjuri (fiċ-Ċivil) hemm l-Imħallfin Tonio Mallia u Noel Cuschieri.
Dawk li tkellmu ma’ il-mument esprimew it-tama li wara li saret il-ħatra tal-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, il-Gvern ma jibqax ikaxkar saqajh dwar il-ħatriet li hemm bżonn biex is-sistema ssir waħda aktar effiċjenti.
“Jeħtieġ li tonqos il-pressjoni minn fuq l-Imħallfin eżistenti li qed ikomplu jitgħabbew b’ħafna kawżi u jeħtieġ li l-Gvern bis-serjetà jindirizza d-dewmien fil-qtugħ tal-kawżi għaliex hemm eluf ta’ nies li litteralment qed ibatu u jsofru l-inġustizzji.”
Bla dubju ta’ xejn li quddiem dan ix-xenarju ta’ nuqqas ta’ Mħallfin, il-Gvern irid jassigura li jitħaddem sew il-makkinarju dwar l-għażliet tal-persuni li se jkunu qed iservu f’dan l-ogħla livell tal-ġudikatura Maltija.
Il-Gvern għandu l-opportunità li jsaħħaħ il-Korp tal-Imħallfin u ma jaqax fit-tentazzjoni li jagħmel għażliet li bihom inaqqas mis-serjetà u d-dinamika tal-istituzzjonijiet Maltin.
Dan id-diskors qed jingħad b’responsabbiltà u issa b’aktar insistenza wara l-iżviluppi magħrufa fil-jiem li għaddew li Kastilja qed timbotta b’mod aggressiv lill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera biex tkun fost l-Imħallfin il-ġodda.
L-istorja ta’ Consuelo Scerri Herrera, oħt il-Ministru Josè Herrera, għall-kariga ta’ Mħallef kienet skattat ftit tax-xhur ilu meta l-Ministru Owen Bonnici kien issottometta l-isem ta’ din il-Maġistrat quddiem is-Sotto Kumitat fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja bl-iskop li din tinħatar Imħallef.
Madankollu dan is-Sotto Kumitat kien sab numru ta’ fatturi evidenti li jagħmlu lill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera bħala mhux idonea għal tali kariga fl-ogħla gravi tal-ġudikatura Maltija.
Ir-rakkommandazzjoni mis-Sotto Kumitat – li hu magħmul mill-Prim Imħallef, mill-Ombudsman, mill-Avukat Ġenerali, mill-Awditur Ġenerali u mill-President tal-Kamra tal-Avukati – kien wieħed ċar ħafna u mmatura wara li l-istess Maġistrat poġġiet għal intervista u kienet mistoqsija dwar diversi temi.
Jidher iżda li Kastilja, minkejja dan il-parir mill-Kummissjoni għall-Amminstrazzjoni tal-Ġustizzja, se tirrombla bil-ħsibijiet tagħha li xorta waħda tmexxi favur din il-ħatra ta’ Consuelo Scerri Herrera bħala Mħallef ġdid biex hekk jittaffew xi ftit mill-vakanzi ta’ Mħallfin.
Tajjeb li jingħad li l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna titkellem bl-aktar mod ċar dwar ir-rwol tal-Kummissjoni għall-Amminstrazzjoni tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, iżda mbagħad hi fil-prerogattiva tal-Prim Ministru jekk joqgħodx għal tali rakkommandazzjonijiet jew jagħmilx ta’ rasu kif jidher li se jissuċċiedi f’dan il-każ partikulari.
Kien f’Jannar tal-2017 li kien sar magħruf li s-Sotto Kumitat fi ħdan il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, imwaqqaf apposta biex janalizza n-nomini mill-Gvern għall-membri tal-ġudikatura, kien irrifjuta l-promozzjoni ta’ Consuelo Scerri Herrera, minn Maġistrat għal Imħallef.
Din kienet it-tielet nomina li ntalab janalizza dan il-Kumitat, wara dawk tal-eks-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Toni Abela, u l-ekskonsulent tal-gvernijiet Laburisti, l-Għawdxi Grazio Mercieca. Dawn intagħżlu mill-Partit Laburista għall-karigi ta’ Mħallef u Maġistrat rispettivament.
L-idea tal-promozzjoni ta’ Consuelo Scerri Herrera kienet tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, li nsista bin-nomina tagħha xhur biss wara li l-Maġistrat instabet ħatja ta’ ksur tal-kodiċi tal-etika tal-ġudikatura.
Sadattant, fi żvilupp ieħor li seħħ fi Frar li għadda l-Maġistrati eleġġew lill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera bħala rappreżentanta fuq il-Kummissjoni tal-Għassiesa tal-Ġudikatura, wara li kienet ġiet imċanfra mill-istess Kummissjoni.
Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera kienet eletta mal-ewwel rawnd ta’ voti mill-kollegi tagħha. Hi saret waħda miż-żewġ Maġistrati li jagħmlu parti mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Il-Kummissjoni hi mmexxija mill-President ta’ Malta u tinkludi fiha l-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, żewġ Imħallfin, żewġ Maġistrati, il-President tal-Kamra tal-Avukati, u żewġ membri appuntati mill-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>