Lokali

Imut it-Taljan li ntlaqat minn vettura ġimgħa ilu

Raġel Taljan ta’ 29 sena tilef ħajtu wara li ġimgħa ilu Ingliż ta’ 36 sena tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u spiċċa man-naħa l-oħra ta’ Triq il-Marfa l-Mellieħa fejn ħabat head on fil-vettura tat-Taljan.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-kwarta ta’ filgħodu bl-Ingliż sofra ġrieħi ħfief.

L-Ingliz ta’ 36 sena, residenti San Pawl il-Baħar, kien qed isuq karozza tat-tip Peugeot 207 meta tilef il-kontroll tal-karozza, tela’ fuq is-centre strip, spiċċa fuq in-naħa l-oħra tat-triq u ħabat ma’ karozza oħra tat-tip Fiat Seicento misjuqa minn raġel Taljan ta’ 29 sena.

Is-sewwieq Taljan inqabad fil-karozza u kellhom jissejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex seta’ jinħareġ.

Fuq il-post issejjah tim mediku li ha lill-vittmi l-isptar. Iktar tard it-Taljan ta’ 29 sena kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li s-sewwieq l-ieħor sofra ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonjiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.