Is-sitwazzjoni serja ta’ inċertezzi kbar fil-kamp bankarju f’Malta qed toħloq futur imwiegħer għal eluf ta’ ħaddiema.
Dan iddikkjaratu ma’ il-mument id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono, il-Kelliema dwar l-Ekonomija u s-Servizzi Finanzarji, b’rabta ma’ dak li ġara fl-aħħar xhur, hekk kif jirriżulta li fil-preżent, hawn mill-inqas erba’ banek li b’xi mod jew ieħor qed jittrażmettu xi tip ta’ inċertezza kemm fost l-impjegati tagħhom kif ukoll fost l-azzjonisti tagħhom.
Kristy Debono fissret li l-istorja dwar l-iskandlu tal-‘Pilatus Bank’ mhux biss qed tkompli tgħarraq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’għajnejn il-barranin, però qed tipperikola s-serenità fis-settur bankarju f’Malta. Dan fis-sens li filwaqt li s-settur bankarju f’Malta dejjem kien imħares bħala wieħed serju fejn jidħlu miżuri kontra l-ħasil tal-flus, in-nuqqas ta’ due diligence u serjetà mir-Regolatur fl-aħħar xhur irriżultaw f’diversi mankanzi serji kaġun tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern biex iħares l-interessi vera tas-settur bankarju f’Malta.
Kristy Debono bħala eżempju fakkret x’ġara fir-rigward tal-‘Pilatus Bank’ meta l-awtoritajiet konċernati litteralment fallew milli jieħdu azzjoni immedjata fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ Ali Sadr, iċ-Chairman tal-istess Bank. Diversi esperti finanzjarji huma konċernati u mħassba b’dak kollu li ġara, u qed jiġri f’pajjiżna.
Kristy Debono fakkret li aktar tard din is-sena, Malta mistennija tgħaddi minn eżerċizzju ta’ prova importanti ħafna msejjaħ ‘Moneyval’ li permezz tiegħu jkunu investigati l-istandards tal-pajjiż fir-rigward tal-miżuri tiegħu fil-konfront tal-ħasil tal-flus u prattiċi oħra illegali fis-settur.
Dan hu Bord ta’ Monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa li mistenni jiġi Malta fl-aħħar tas-sena, u hu għalhekk li dan is-settur qed joħloq tħassib għaliex żgur li ma jirriżultax li hu preparat għal dan l-eżami importanti.
Il-mod kif l-awtoritajiet Maltin iġġestixxew il-kwistjoni kollha tal-‘Pilatus Bank’, espona lil pajjiżna għal aktar riskji serji, u dan wara li pajjiżna diġà tilef ħafna mill-kredibbiltà u l-kredenzjali tiegħu f’dan is-settur delikat.
Mistoqsija dwar x’inhi s-sitwazzjoni attwali tal-‘Pilatus Bank’, Kristy Debono fissret li hi diżappuntata kif l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qed tibqa’ siekta milli tagħti stampa tal-affarijiet kif inhuma biex hekk isserraħ moħħ kulħadd.
Iżda mhux biss, kompliet Kristy Debono. L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qed toqgħod lura milli tieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji biex tara li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’dan is-settur tkun imħarsa u salvagwardata, u sussegwentement restawrata għall-kredibbiltà li dan is-settur kien igawdi.
Hu ċar li l-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed iħares lejn l-interessi ta’ terzi nies viċin Kastilja minflok l-interessi ta’ dan is-settur li jħaddem eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin. Dan is-settur hu wieħed vulnerabbli ħafna, u kien mistenni mill-awtoritajiet konċernati li jkunu aktar kredibbli u professjonali, u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd biex kemm l-impjiegi kif ukoll l-investiment ma jkunux mittiefsa.
Dan kollu qed iseħħ fid-dawl ta’ ħafna inċertezzi, fosthom l-akkwisti ta’ ishma f’żewġ banek lokali: il-‘Lombard Bank’ u l-‘Bank of Valletta’, l-interess li l-Gvern għandu direttament fihom biex jakkwista aktar ishma, u l-futur tal-‘HSBC plc Malta’.
Fir-rigward tal-‘Lombard Bank’ u l-‘Bank of Valletta’, l-inċertezza hi prinċipalment fost l-azzjonisti li ma jafux il-futur ta’ dawn il-Banek, filwaqt li l-futur tal-‘HSBC plc Malta’ f’pajjiżna hu mtappan. Dan qed ikun ta’ tħassib kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-azzjonisti u għal dawk kollha li għandhom xi flus investiti f’dan il-Bank ewlieni fil-gżejjer Maltin.
Kristy Debono kompliet li filwaqt li dan kollu ma għandux jallarma lil ħadd, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna hi waħda kruċjali biex pajjiżna jkun jista’ jattira investituri ġodda, serji u li jkollhom fama mondjali f’każ li jkun hemm bżonn li xi ħadd jixtri jew jinvesti f’dawn il-Banek.
Għal pajjiżna, fis-settur bankarju hu importanti ħafna li jkollna ismijiet kbar u ta’ reputazzjoni li jkunu jimmilitaw fis-settur finanzjarji dinji.
Kristy Debono sostniet li filwaqt li pajjiżna f’dawn l-aħħar snin kiseb suċċess kbir f’dan is-settur grazzi għall-viżjoni ċara li kellhom gvernijiet iffurmati mill-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-professjonalità li dejjem ħadmu biha dawk kollha involuti fis-settur, jeħtieġ li l-Gvern Laburista jara li mhux biss ma jtellifx dan il-ġid u din ir-reputazzjoni f’dan is-settur, iżda jfittex li jkompli jattira lejn pajjiżna kumpaniji serji li jkomplu jkabbru l-valur addizzjonali u joħolqu impjiegi ta’ kwalità f’pajjiżna.
Kontroversji bla bżonn u skandli f’dan is-settur żgur li ma jawgurawx tajjeb għat-trankwillità u s-sostenibbiltà tant meħtieġa f’dan is-settur kruċjali, temmet tgħid il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għas-Settur Bankarju.
//= $special ?>