Id-Direttur Artistiku tal-Fondazzjoni li qed tieħu ħsieb il-preparazzjonijiet ta’ Timisoara bħala Belt Kulturali Ewropea fl-2021 ikkundanna l-kummenti tal-aħħar jiem minn esponenti tal-V18.
Chris Torch iddikjara li r-rispett lejn il-vittmi tat-terrur u l-libertà tal-espressjoni huma etiċi bażiċi, f’riferenza diretta għal kummenti fuq il-midja soċjali miċ-Chairman Jason Micallef intiżi biex jirridikolaw lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia
F’kumment li għadda, l-istess Torch iddikjara li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-V18 hi azzjoni leġittima ta’ sapport għal dawk fil-mira tal-attakki. Dan wara li tħabbar bojkott mill-belt Olandiża Leeuwarden-Fryslân, li bħalissa qed tiċċelebra t-titlu ta’ Belt Kulturali Ewropea.
Din hi biss waħda mill- kundanni fil-konfront ta’ esponenti tal-Fondazzjoni V18, wara li kummenti ta’ Jason Micallef wasslu għal petizzjoni minn kittieba internazzjonali, bl-appoġġ ta’ numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej, u oħra minn artisti lokali.
Kien hemm kundanna wkoll minn numru ta’ esperti li kienu fil-bord tal-għażla tal-V18, waqt li ċ-Chairman tal-istess bord talab ir-riżenja tad-Direttur Artistiku Mario Philip Azzopardi wara li dan għajjar b’offiżi abbażi tal-ġeneru lil tfajla li pprotestat kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat f’Londra.
//= $special ?>
