“Jien se nkun qiegħed preżenti fit-toroq tal-Belt Valletta għall-manifestazzjoni tal-poplu Malti. Se nkun qiegħed hemm biex nisma’ lin-nies jgħajtu li ma jridux aktar Gvern korrott li jaħseb li se jibqa’ għaddej romblu. In-nies mhux se jibżaw, u se joħorġu fit-toroq, sakemm dan il-Gvern li jisma’ jibda wkoll iwettaq”, kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101.
Matul din it-telefonata, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu se jkun qiegħed jingħaqad mal-folla biex il-Partit Nazzjonalista jagħti l-appoġġ tiegħu lill-poplu Malti. Dan wara li laqa’ l-istedina li saritlu mill-organizzaturi stess.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-festa ta’ jum il-ħaddiem, fejn bħalissa għandna Gvern Laburista li minflok qed jara l-bżonnijiet tal-ħaddiema, u kif se jżid is-salarju – hekk kif hawn min mhux ileħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja – minflok għażel li juri s-saħħa tal-Partit tiegħu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied li l-Partit Laburista hu sippost li hu l-partit tal-ħaddiema, iżda fin-nuqqas ta’ dan se jkun il-Partit Nazzjonalista se jagħti wens lil min hu dgħajjef u se jkun il-partit tal-ħaddiem.
“Il-Partit Nazzjonalista se jagħti wens lil min hu dgħajjef, u ntellgħu lil min hu dgħajjef ‘il fuq” – Adrian Delia
Żied li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista hu li f’Malta hawn Partit wieħed biss li jisma’ lill-ħaddiema, fejn stqarr li matul din il-ġimgħa hu personalment iltaqa’ ma’ bosta nies fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wara għamel kuntrast bejn il-kliem li kien juża l-Partit Laburista u l-istess Prim Ministru Joseph Muscat, li dak iż-żmien kien ibeżża biex pajjiżna ma jidħolx membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Fost id-diversi argumenti li kienu użaw, il-Partit Laburista kien qal li jekk nidħlu fl-Ewropa jkunu jistgħu jiġu ffriżati l-embrijuni, mentri llum hu l-Gvern Laburista stess li qed jimbutta din l-aġenda biex jiġu ffriżati l-embrijuni.
Adrian Delia stqarr li hawnhekk hu l-punt li fih il-Partit Nazzjonalista jrid juri s-saħħa tiegħu u għal darb’oħra jinżel għand in-nies u jismagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li għandna Gvern tal-konvenjenza, fejn stqarr li l-Partit Nazzjonalista aħna rridu nippjanaw fit-tul u naraw x’inhuma l-bżonnijiet ta’ Malta. Stqarr li rridu nevalwaw jekk għandniex fejn nakkomodaw aktar turisti, u jekk hemmx bżonn ta’ aktar djar tal-anzjani u skejjel – irridu nippjanaw b’viżjoni u mhux biss biex isostni l-bwiet tal-ftit.
Wara, irrefera għad-deal ħażin fix-xiri ħażin u t-telf li ġarrab – u li għalih irid jagħmel tajjeb il-poplu Malti.
Meta mistoqsi dwar l-edukazzjoni, Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista ma jimpurtahx mill-għalliema. Filfatt, żied li din il-mentalita’ qed tirrifletti fiż-żgħażagħ tagħna li ma jridux jieħdu l-edukazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel invstiment fiż-żgħażagħ, u jkollna żgħażagħ aktar akkaniti biex jiftħu moħħhom aktar, u jbiddlu wiċċ pajjiżna u jieħduh fid-direzzjoni t-tajba ta’ pajjiżna. “Bħalissa qegħdin bla direzzjoni u mingħajr viżjoni”, stqarr Adrian Delia.
FILMAT: “Irridu tmexxija nadifa”: Occupy Justice dwar il-manifestazzjoni ta’ għada
//= $special ?>