Lokali

Joseph Muscat ikompli jisfida lill-President b’botta ċara

Il-Prim Ministru Joseph Muscat tefa’ botta lejn il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca meta waqt waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista ddikjara li mhux jgħaġġel dwar l-emendi għal-liġi tal-IVF.

Hu kien qed jirreferi għal appell tal-President ta’ Malta għal perjodu itwal ta’ konsultazzjoni dwar l-emendi li jrid idaħħal il-Gvern għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni.

Appell li ġie rifjutat meta fi stqarrija, il-Gvern qal li jrid jemenda l-liġi eżistenti tal-IVF “bla dewmien għax marbut b’mandat elettorali.”

Madanakollu, jekk wieħed iħares lejn il-manifest elettorali tal-Partit Laburista jinduna li mkien ma jissemma l-iffriżar tal-embrijuni jew is-surrogacy. Jingħad biss li l-Partit Laburista jrid isaħħaħ il-liġi tal-IVF.

Minkejja dan, Muscat mill-ġdid għamilha ċara li l-liġi se tinbidel mingħajr kompromessi.

Fid-diskors tiegħu Muscat naqas milli jikkundanna l-attakki li saru fl-aħħar jiem fuq membri tal-Knisja li tkellmu kontra dawn l-emendi deskritti mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia bħala emendi kontra l-ħajja.

Mhux talli ma kkundannahhomx, talli saħansitra wissa’ li l-Partit Laburista mhux se joqgħod bi kwietu dwar dan.

Dan fl-istess waqt li l-mexxej Laburista wissa’ li beħsiebu jkompli jagħmel it-taqlib sakemm idaħħal il-bidliet li għandu f’moħħu, iżda li ma qalx liem huma.