Il-Financial Intelligence Analysis Unit kien ilha sa mill-2016 li wissiet saħansitra anke lill-Awtorità Maltija għas-Serivizzi Finanzjarji dwar ir-riskju li l-Bank Pilatus kien qed ipoġġi fuq Malta.
Minkejja dan baqa’ ma sar xejn, u kien biss sentejn wara li l-MFSA aġixxiet meta ċ-Chairman tal-Bank, l-Iranjan Ali Sadr Hasheminejad, ġie arrestat fl-Istati Uniti fejn jista’ jeħel piena sa 125 sena ħabs.
It-twissija f’Mejju tal-2016 kienet rigward l-ammont ta’ persuni esposti politikament li kien qed jaqdi dan il-bank ibbażat f’Malta b’mudell kummerċjali intiż li joffri segretezza.
Kien id-Direttur tal-FIAU, Manfred Galdes li f’ittra għamel din it-twissija ċara fejn ikkopja wkoll lid-Direttur tal-Infurzar tal-MFSA Anton Bartolo. B’dan kien infurmat ukoll Karol Gabaretta, il-kap tas-superviżjoni tal-banek fi ħdan l-MFSA.
Dan jikkuntrasta mad-dikjarazzjoni tal-istess Bartolo li iktar kmieni din il-ġimgħa ċaħad akkużi minn numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej li lmentaw li l-MFSA naqset milli tieħu azzjoni. Hu kien qed jirrispondi waqt smiegħ speċjali ta’ kumitat Ewropew kontra l-krimini finanzjarja.
It-twissija tal-FIAU kienet saret wara li żjara tal-FIAU f’dan il-bank, fejn instabet dipendenza qawwija fuq klijentela żgħira ta’ persuni esposti politikament mill-Ażerbajġan u li l-bank kellu nuqqasijiet serji bi ksur ta’ diversi proviżjonijiet.
Sadattant, iktar kmieni din il-ġimgħa l-grupp ta’ ġurnalisti investigattivi li qed jaħdmu fuq Daphne Project żvelaw ukoll li negozjant mill-Awstralja fetaħ numru ta’ kumpaniji f’Malta. L-Awstraljan, Robert Baker, hu qrib it-tmexxija politika tal-Ażerbajġan u seta’ jagħmel dan grazzi wkoll għas-servizzi offruti mill-Bank Pilatus.
Dokumenti żvelati juru kif fil-Bank Pilatus hemm xejn inqas minn 50 kont bankarju għal kumpaniji relatati mal-oligarkija Ażera, fosthom ta’ membri tal-familja Aliyev, kif ukoll ta’ Kamaladdin Heydarov, il-Ministru responsabbli minn sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-pajjiż.
Kif żvelat minn Daphne Caruana Galizia abel l-assassinju tagħha, fil-Bank Pilatus hemm kontijiet kemm għat-tfal ta’ dan il-ministru, kif ukoll għaż-żewġ bniet tal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev biex b’hekk dawn setgħu jinvestu fl-Ewropa.
F’pajjiżna, Baker fetaħ 18-il kumpanija, 9 minnhom permezz ta’ kont fil-Bank Pilatus. 11 minn dawn il-kumpaniji huma parti mill-istess struttura b’espert imqabbad mill-Malta Today jinnota kif fl-aħħar snin bejn dawn il-kumpaniji spiss sar self ta’ flus mingħajr raġuni jew spjega.
//= $special ?>