Futbol Sport

Manchester United jaċċertaw posthom mal-ewwel erbgħa fil-Premier League

Marouane Fellaini jiċċelebra ma' sħabu wara l-gowl tar-rebħa (Ritratt: EPA)
Manchester City jegħlbu lil West Ham

Gowl ta’ Marouane Fellaini ta rebħa importanti lil Manchester United, b’rebħa ta’ 2-1 fuq Arsenal f’Old Trafford, biex b’dan ir-riżultat, ir-Red Devils ikkonfermaw posthom mal-ewwel erbgħa. Paul Pogba fetaħ l-iskor mal-kwarta logħob meta kompla għal ġewwa wara li daqqa ta’ ras ta’ Alexis Sanchez ħabtet mal-wieqfa.

Arsenal ġabu d-draw fil-51 minuta b’xutt fil-baxx tal-eks Henrikh Mkhitaryan, iżda fit-92 minuta kien Fellaini li b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil David Ospina.

F’logħba oħra, iċ-champions il-ġodda Manchester City ftit sabu diffikultà biex għelbu lil West Ham 4-1. Leroy Sane fetaħ l-iskor fit-13-il minuta b’xutt minn barra l-kaxxa li kien imxellef, u rduppjaw fis-27 minuta b’awto-gowl ta’ Pablo Zabaleta.

Aaron Cresswell naqqas id-distakk fit-42 minuta bi free-kick għar-rokna. Gabriel Jesus għamel l-iskor 3-1 fit-53 minuta, biex fl-64 minuta, Fernandinho skorja r-raba’ gowl minn pożizzjoni ideali.