Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jipprova jaħbi l-kriżi kostituzzjonali li laqtitu hekk kif il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca għamlet mossa rari ħafna fil-ħajja politika ta’ pajjiżna meta kellha tintervjeni direttament fil-kwistjoni tal-emendi għal-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni.
Din hi okkażjoni rari, tant li lanqas meta waqa l-Gvern ta’ Alfred Sant fl-1998, dak iż-żmien il-President Ugo Mifsud Bonniċi ma ħassx li kellu jindaħal fuq il-Prim Ministru Alfred Sant.
Lanqas meta l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien iffaċċjat bil-problemi mal-back benchers ma kien hemm indħil mill-President George Abela.
Iżda l-aħħar ġimgħat kienu xhieda ta’ kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat aktar qiegħed jirnexxielu jifred lill-poplu Malti u Għawdxi milli jgħaqqdu u jmexxih ‘il quddiem.
Is-sensiela ta’ eżempji klassiċi f’dan ir-rigward hi twila u tmur lura għal-leġiżlatura li għaddiet meta sa minn dakinhar il-Prim Ministru u dawk viċin tiegħu, imbarkaw fuq inizjattivi li kabbru l-firda fost il-poplu, nisslu fost il-barranin xettiċiżmu u stmerrija lejn pajjiżna, u dan kollu qiegħed iwassal biex qed ikompli jikber l-antagoniżmu politiku fost il-Maltin. Xhieda ta’ dan hu l-odju jfur fuq Facebook fejn Maltin jitqatlu bil-kliem bejniethom.
Iżda ċ-ċirasa fuq il-kejk ta’ din it-tgħaffiġa li qed iħawwar il-Prim Ministru Joseph Muscat u dawk ta’ madwaru, hi l-għaġġla mhux spjegata tal-mod kif irid li jiddaħħlu l-emendi għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Mhux biss dawn l-emendi qatt ma ssemmew fil-manifest elettorali li Joseph Muscat għamel qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, iżda l-messaġġ tal-poplu hu wieħed ċar ħafna… ma għandek l-ebda mandat biex tmexxi ’l quddiem dawn l-emendi serji li huma insult għall-etika u lejn id-dinjità tal-bniedem.
Min-naħa l-oħra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħa d-diskussjoni għand l-Eżekuttiv tal-partit minn fejn ħarġet dikjarazzjoni ċara favur il-ħajja mill-konċepiment. Minkejja d-dikjarazzjoni ċara tiegħu li se jivvota kontra l-emendi mressqa mill-Gvern, Adrian Delia xorta ta l-free vote peress li din hi kwestjoni etika.
Joseph Muscat għamel bil-kontra għax la ddiskuta l-materja fl-eżekuttiv Laburista, u wisq iżjed offra free vote lill-Membri Parlamentari tiegħu. Dan minkejja l-għajta tal-eks-Deputat Prim Ministru George Vella li widdeb lil Muscat fit-Times, kif ukoll esponenti oħra laburisti li wrew l-għadab tagħhom għall-mod kif qed jimxi Muscat.
Is-sitwazzjoni fil-pajjiż hi waħda inkwetanti mhux biss fid-dawl tal-protesta massiva li saret nhar il-Ħadd li għadda fil-Belt Valletta u li fiha ħadu sehem eluf ta’ nies, iżda fil-jiem li għaddew ripetuti kienu l-messaġġi ġejjin minn fora diversi fil-pajjiż biex Joseph Muscat ma jibqax jirrombla bil-pjani tiegħu kontra x-xewqa tal-maġġoranza tan-nies.
Iżda minkejja kollox, l-intenzjoni ta’ Joseph Muscat hi dik li jinjora l-vuċi tan-nies u jmexxi ’l quddiem l-intenzjonijiet tiegħu li jagħmel emendi mhux mixtieqa mill-poplu għal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni. Dawn jinkludu l-iffriżar tal-embrijuni b’konsegwenza li dawk mhux pjantati jispiċċaw orfni jew saħansitra maqtula, il-kiri tal-ġuf kemm altruwistiku iżda wkoll bi ħlas, xi ħaġa li l-liġi ta’ Muscat ma teskludix, kif ukoll id-donazzjoni ta l-isperma b’konsegwenzi serji għal soċjetà żgħira bħal tagħna.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta f’nofs din il-ġimgħa ħareġ dikjarazzjoni ċara u daqstant ieħor iebsa… appell għal dibattitu mhux polarizzat dwar l-emendi għal-liġi tal-embrijuni kif imressqa mill-Gvern fil-jiem li għaddew.
Li kieku l-President kienet komda tiffirma din il-liġi malli tgħaddi mill-Parlament, kieku ma kinitx titkellem bħalma tagħmel fil-liġijiet l-oħra. Iżda ħasset li kellha tmur lil hemm mill-obligi tagħha u intervjeniet sabiex dawn l-emendi jiġu mibdula. X’beħsiebha tagħmel jekk Joseph Muscat jibqa’ jwebbes rasu għad irridu naraw.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fid-dikjarazzjoni tagħha fissret li hi mħassba dwar id-dibattiti polarizzati li qed isiru dwar l-emendi għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni. “Dan it-tip ta’ dibattitu ma jgħinx kostruttivament biex jiġu mifhuma b’mod ħolistiku l-implikazzjonijiet umani, soċjali, etiċi, u mediċi.”
Hi kompliet tfisser li t-trattament tal-IVF hu suġġett delikat li jeħtieġ li jkun diskuss f’ambjent seren, li jibbilanċja l-qsim il-qalb li jiffaċċjaw koppji bla tfal, ma’ kwistjonijiet etiċi sensittivi li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tal-embrijuni.
Il-President ta’ Malta kompliet li hi mħassba bl-ostilità li sfortunatament qed toħroġ minn dibattiti pubbliċi. Il-President qed tappella għall-kalma u għall-perjodu itwal ta’ riflessjoni biex il-vuċijiet kollha jinstemgħu – referenza ċara għall-fatt li Muscat irid jgħaġġel il-liġi.
Filwaqt li Marie-Louise Coleiro Preca qalet li hi qed toffri li timmedja, kompliet li hi tistieden il-Parlamentari, is-soċjetà ċivili u dawk kollha interessati fis-suġġett biex jiġu flimkien madwar il-mejda biex ikollhom dibattitu infurmat li jgħaqqad flimkien il-konsiderazzjonijiet etiċi u morali mal-għarfien xjentifiku għal-liġi li tkun tirrifletti b’mod sħiħ il-potenzjal mediku u l-implikazzjonijiet pożittivi u negattivi għas-soċjetà. Wieħed kien jistenna li dan il-proċess isir qabel jiġu ppubblikati l-emendi.
Id-dikjarazzjoni tal-President ta’ Malta ntlaqgħet b’mod pożittiv minn diversi sezzjonijiet tal-poplu Malti li fehmu tajjeb li din id-dikjarazzjoni kienet b’riżultat tal-fatt li l-President ta’ Malta tassew qed tħossha inkwetata bil-mod kif qed isiru ċerti affarijiet.
Hemm min isostni li l-President ta’ Malta ma hi qed tkun konsultata xejn mill-Gvern fit-twettiq ta’ ċerti pjani tiegħu u l-istess President ta’ Malta ssir taf ċerti affarijiet bl-istess mod kif isir jafhom il-poplu Malti u Għawdxi – mill-ġurnali.
Sfortunatament, iżda, l-appell tal-President ta’ Malta jidher li s’issa ftit li xejn għamel effett fuq il-Gvern, u konferma ta’ dan kienet ir-reazzjoni tal-Gvern li fi stqarrija nhar il-Ħamis fisser li hu se jkun qed iżomm mal-pożizzjoni tiegħu li l-emendi fl-Att għall-Protezzjoni tal-Embrijun mhux biss jiddaħħlu fis-seħħ, iżda jgħaddu mill-Parlament “bla dewmien żejjed”.
Fl-istqarrija tiegħu l-Gvern kien qed jirreaġixxi għad-dikjarazzjoni tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca li appellat għal perjodu itwal ta’ diskussjoni u kalma.
//= $special ?>