Id-distakk bejn Napoli u Juventus reġa’ hu ta’ erba’ punti wara li Napoli sfaw megħluba f’darhom minn Fiorentina. Dawn tal-aħħar, wieġbu għar-rebħiet ta’ Atalanta, Milan u Sampdoria biex it-taqtigħa għal post fl-Ewropa kompliet tiħrax. Il-ġlieda għal kontra r-relegazzjoni wkoll hi missielta, b’Crotone u Spal jirbħu l-konfronti darhom filwaqt li Udinese kienu mċaħħda minn rebħa lejn it-tmiem. Verona bit-telfa tagħhom huma kważi relegati.
In-Naplitani sfaw megħluba 3-0 minn Fiorentina. Il-partita għal Napoli kienet għat-telgħa wara li kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas wara sitt minuti meta Kalidou Koulibaly tkeċċa mir-referee Mazzoleni wara li kkonsulta l-VAR.
B’superjorità numerika, Fiorentina fetħu l-iskor fl-34 minuta meta GIOVANNI SIMEONE rċieva ballun fit-tul u b’xutt fil-baxx għeleb lil Pepe Reina. SIMEONE rdoppja fit-62 minuta meta ħa vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża Naplitana u skorja mill-viċin, wara azzjoni ta’ korner. Fiorentina ssiġillaw ir-rebħa fit-93 minuta meta GIOVANNI SIMEONE għeleb in-nasba tal-offside u għeleb lil Reina.
Lazio fetħu erba’ punti vantaġġ fuq Inter, b’rebħa ta’ 1-0 kontra Torino. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fis-56 minuta minn SERGEJ MILINKOVIC-SAVIC.
Atalanta żammew is-sitt post fil-kampjonat tas-Serie A wara li f’darhom għelbu lil Genoa 3-1. MUSA BARROW fetaħ l-iskor fis-16-il minuta b’xutt fil-baxx minn qagħda djagonali, u sitt minuti wara, BRYAN CRISTANTE rdoppja b’xutt mill-ewwel. JOSIP ILICIC għamilhom tlieta kwarta mit-tmiem, b’MIGUEL VELOSO jiskorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għaxar minuti mit-tmiem bi free-kick preċiż.
Milan irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Bologna 2-1. HAKAN CALHANOGLU fetaħ l-iskor fit-33 minuta b’xutt b’saħħtu fuq il-ġirja, u eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, GIACOMO BONAVENTURA rdoppja b’xutt sabiħ għar-rokna. SEBASTIEN DE MAIO naqqas id-distakk għal Bologna fit-73 minuta, iżda ma rnexxielhomx isalvaw il-logħba.
Sampdoria wieġbu għar-rebħiet ta’ Atalanta u Milan, b’rebħa kbira ta’ 4-1 fuq Cagliari. DENNIS PRAET fetaħ l-iskor wara seba’ minuti b’azzjoni personali, u fis-26 minuta, kien il-veteran FABIO QUAGLIARELLA li rdoppja mill-viċin. L-iskor sar 3-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ DAWID KOWNACKI. LEONARDO PAVOLETTI naqqas id-distakk fil-bidu tat-tieni taqsima, iżda GASTON RAMIREZ issiġilla r-rebħa fis-87 minuta bir-raba’ gowl.
It-taqtigħa fin-naħa ta’ isfel kompliet tiħrax, b’rebħiet għal Crotone u Spal filwaqt li Udinese ħadu punt kontra Benevento. SILVAN WIDMER fetaħ l-iskor fit-13-il minuta b’daqqa ta’ ras, iżda Benevento ġabu d-draw għaxar minuti wara permezz ta’ NICOLAS VIOLA. MASSIMO CODA poġġa lil Benevento minn fuq fis-76 minuta minn penalty, iżda żewġ gowls sa tliet minuti wara minn KEVIN LASAGNA dawru l-iskor favur Udinese. Madankollu kien il-veteran BACARY SAGNA li ġab id-draw fid-90 minuta.
Crotone għelbu lil Sassuolo 4-1. MARCELLO TROTTA fetaħ l-iskor b’xutt għar-rokna wara tliet minuti u SIMY irdoppja mal-kwarta logħob b’gowl xi ftit fortunat. MARCELLO TROTTA għamilhom tlieta man-nofs siegħa logħob, b’DOMENICO BERARDI jnaqqas id-distakk fil-45 minuta minn penalty. SIMY issiġilla r-rebħa lejn it-tmiem bir-raba’ gowl.
Spal rebħu l-konfront dirett kontra Verona 3-1. MATTIA VALOTI kien fetaħ l-iskor għal Verona fit-13-il minuta, iżda awto-gowl ta’ Mohamed Fares qabel tmiem l-ewwel taqsima ġab id-draw. FELIPE poġġa lil Spal minn fuq fit-72 minuta, biex JASMIN KURTIC għalaq il-logħba fid-90 minuta.
//= $special ?>