Pazjenti li fix-xhur li għaddew kellhom bżonn is-servizzi tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex spiċċaw għamlu sigħat twal jistennew sakemm setgħu jinqdew.
Jirriżulta li b’mod ripetut fl-aħħar xhur, is-sitwazzjoni fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex iddekadiet sal-punt li qed ibatu l-pazjenti.
Fil-fatt jirriżulta li f’dan id-Dipartiment qed tirrenja telqa kbira bil-ħaddiema fid-diversi gradi u setturi jilmentaw minn futur inċert, aktar u aktar wara li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għadda f’idejn il-privat.
Każijiet serji ħallew jistenna lill-pazjent tard bil-lejl tant li pazjenti kienu kostretti li jitlqu mill-waiting area u ttieħdu Malta direttament fl-Isptar Mater Dei bil-karozza privata tagħhom, u b’hassle kbir.
Każijiet oħrajn kienu rappurtati lil il-mument, ta’ pazjenti li qed jiddaħħlu fl-Isptar u wara jumejn jintbagħtu d-dar anki jekk ma jkunux fiequ kompletament. Dan kollu hekk kif il-kumpanija barranija li qed tmexxi l-isptarijiet pubbliċi qed tirreklama l-aqwa organizzazzjoni fil-qasam tal- health care fil-kamp tas-saħħa f’pajjiżna.
Is-CEO li laħaq, Joseph Fenech, qed ikun kritikat minn ħafna li ma hux kwalifikat għal tali kariga importanti li tikkoordina s-servizzi tas-saħħa f’Għawdex. Għaliex ma hux biss l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – it-Taqsima tal-Emerġenza – li ma hux joffri servizzi immedjati lill-pazjenti, imma anki l-Poliklinika fir-Rabat, Għawdex.
Każ tipiku seħħ nhar it-Tnejn, 23 ta’ April 2018 meta persuna qaltilna li kellha tistenna mit-8 a.m. sal-10 a.m., u ma kien tfaċċa l-ebda tabib biex jara lill-pazjenti li kien hemm.
“Meta qtajt qalbi ddeċidejt li mmur fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, iżda hawnhekk erġajna koppji… għamilna mill-10.30 a.m. sas-2 p.m. nistennew.
“Qalulna li kien hemm in-nies ġewwa iżda fil-verità la daħal ħadd ġewwa, la ħareġ ħadd minn ġewwa, u aħna nistennew konna u nistennew bqajna… fil-verità tabib ma kienx hemm!”
Din il-persuna kompliet tgħidilna li mill-ġdid reġgħet marret il-Poliklinika fejn irriżultalha li kien għadu kemm daħal it-tabib tat-tieni shift… “u mbagħad inqdejt… wara li kont ili nistenna mit-8 a.m.!”
//= $special ?>