Futbol Sport

Promozzjoni storika fl-Ewwel Diviżjoni għal Swieqi

Il-plejers ta' Swieqi jiċċelebraw wara wieħed mill-gowls tagħhom (Ritratt: Matthew Tabone)

ŻABBAR SP ………………0

SWIEQI U…………………3

Żabbar: J. Grech, K. Borg, K. Cutajar, S. Diacono, C. Stewart (A. Agius 64’), D. Micallef, D. Pace, S. Pace Briffa (A. Azzopardi 58’), G. Adamo (C. Magro 62’), K. Sacco, C. Camilleri

Swieqi: J.C. Debattista, M. Laferla, L. Bianco, S. Bugeja, K. Sultana, L. Scicluna, G. Calabretta, K. Muscat, N. Schembri (J. Margarit 79’), R. Taliana (R. Cutajar 79’), S. Suraka (S. Gatt Baldacchino 67’)

Referee: Emanuel Grech

It-tim ta’ Swieqi United immexxi minn Billy Mock kiseb promozzjoni storika għall-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta fil-play-off kontra Żabbar St.Patrick ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 3-0.

Ir-rebħa ta’ Swieqi kienet mill-iktar meritata, fejn wara bidu diffiċli fejn iż-Żabbarin kienu aħjar fl-ewwel nofs siegħa, minn hemm ‘l quddiem u iktar u iktar wara li Swieqi fetħu l-iskor, huma qatt ma ħarsu lura biex kisbu din il-promozzjoni, promozzjoni li dehret li se tisfuma meta Swieqi spiċċaw fit-tielet post, wara li għal diversi ġimgħat kienu fl-ewwel post fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni.

Wara fażi twila ta’studju miż-żewġ naħat waslet l-ewwel azzjoni fit-13-il minuta minn naħa ta’ Żabbar, meta Clayton Camilleri qassam lejn Dylan Micallef li daħal tajjeb fil-kaxxa bix-xutt tiegħu ikun salvat b’siequ minn Debattista. Erba’ minuti wara azzjoni oħra tal-istess Micallef u xutt ftit għoli. Żabbar issa bdew iżidu fil-logħob u ftit wara Diacono wkoll kellu ballun imur ftit għoli wara li qabeż diversi plejers.

Fid-29 minuta kienu Swieqi li fallew ċans tad-deheb ta’ skor meta l-gowlkiper Żabbari prova jaqbeż lil Nicholas Schembri li ħadlu l-ballun iżda ġġenneb wisq u x-xutt tiegħu għadda minn quddiem il-lasta u mar ftit barra.

Fis-37 minuta Grech patta tajjeb meta wettaq save mill-aqwa fuq daqqa ta’ ras Schembri minn korner ta’ Taliana. Kien il-preludju tal-gowl li wasal fid-39 minuta meta NICHOLAS SCHEMBRI antiċipa lil Sacco u minn qagħda angolata għeleb lil Grech b’xutt fil-baxx.

Minuta wara risposta ta’ Żabbar bix-xutt ta’ Diacono salvat b’diffikultà minn Debattista. Fit-43 minuta żball fid-difiża Żabbarija u Taliana waħdu quddiem Grech kien imċaħħad minn intervent mill-aqwa tal-gowlkiper.

Ħdax-il minuta fit-tieni taqsima Swieqi rduppjaw meta minn azzjoni ta’ korner kien hemm id-daqqa ta’ ras ta’ Suraka u daqqa ta’ ras oħra mill-viċin ta’ NICHOLAS SCHEMBRI li għeleb lil Grech li salva iżda wara li l-ballun qabeż il-linja.

Dan il-gowl bla dubju ta’ xejn li mela bil-kuraġġ lil Swieqi u kien daqqa ta’ ħarta għat-tim immexxi minn Alfred Attard. Fil-fatt iż-Żabbarin dehru għal kollox konfużi fl-ideat u minkejja li attakkaw għall-kumplament tal-logħba ma setgħux jinfdu d-difiża ta’ Swieqi li ssieltu għal kull ballun.

Fl-aħħar battuti tal-logħba Żabbar kellhom lil Aidan Agius imkeċċi u fil-ħin miżjud f’azzjoni ta’ kontrattakk Calabretta ħarab fuq il-lemin u qassam lejn LUKE SCICLUNA li mill-viċin kompla l-ballun għal ġewwa.