Internazzjonali

Spanja: Kompla l-għadab popolari għal ‘maħfra’ f’każ ta’ stupru

 

In-nies minn kull settur tas-soċjetà komplew bis-sensiela ta’ protesti f’numru ta’ bliet Spanjoli – b’mod partikulari Pamplona – wara li kienu nħafru l-akkużi dwar stupru li tressqu kontra ħames irġiel, membri ta’ grupp imlaqqam ‘tal-Volpi’.

Il-qrati, intant, sabu lill-ħamsa ħatja dwar abbuż sesswali, b’kull imputat jeħel disa’ snin priġunerija minkejja li l-prosekuturi kienu talbu biex dawn jingħataw sentenzi ta’ aktar minn 20 sena.

Sadanittant, ħafna Spanjoli qed jikkunsidraw il-verdett bħala ‘ħanin wisq’ filwaqt li qed jesprimu din il-fehma fit-toroq.

Il-protesti kontra s-sentenza komplew anki fi tmiem il-ġimgħa, b’dan il-każ iqajjem ferment nazzjonali, u meta d-dimostrazzjonijiet ilhom għaddejjin mill-Ħamis f’numru ta’ bliet ewlenin, fosthom Madrid, Valencia u Barċellona.

Il-każ kien jinvolvi tfajla ta’ 18 il-sena li spiċċat aggredita mill-imputati f’Lulju tal-2016, waqt il-Festival ta’ San Fermin  ( magħruf sew għat-tlielaq mal-barrin) f’Pamplona. Il-ġuri tal-ħames imputati, intant, sar wara bibien magħluqa biex l-identità tal-vittma tibqa’ protetta.

L-irġiel, li kienu ilhom miżmuma mill-pulizija mill-2016, ġew anki ordnati biex iħallsu 50,000 ewro lill-vittma f’kumpens – bl-imputati u t-tfajla t-tnejn jikkonfermaw l-impenji rispettivi biex jappellaw mill-verdett.

Sadanittant, ħafna nisa fi Spanja qegħdin jużaw hashtag partikulari biex jidħlu fuq Twitter u jirrakkuntaw ‘l-istejjer tagħhom bħala vittmi ta’ abbuż’ b’solidarjetà ma’ dik it-tfajla.

Taħt il-liġi Spanjola, l-akkuża ta’ abbuż sesswali hi differenti minn akkuża ta’ stupru fis-sens li din ma tinvolvix vjolenza jew intimidazzjoni.